F’temp ta’ ftit minuti l-Għaqda tas-Salib l-Aħmar ħabtet wiċċha ma’ żewġ inċidenti li setgħu jkunu serji. Inċidenti li kienu jinvolvu tfal taħt l-età fil-baħar.
F’post fuq Facebook l-għaqda appellat bil-qawwi lill-ġenituri sabiex joqgħodu b’seba’ mitt għajn fuq uliedhom waqt li jkunu qed jgħumu.
Qalu kif fil-jum tal-Ħadd kellhom jintervjenu f’żewġ inċidenti f’bajjiet differenti ta’ tfal li tħallew waħedhom fil-baħar.
Fortunatament ħadd mit-tfal ma weġġa’ serjament f’dawn l-inċidenti, grazzi għar-rispons mgħaġġel tal-Għaqda tas-Salib l-Aħmar.
Intant One.com.mt jinsab infurmat li f’inċident minnhom, kien involut tifel ta’ ftit aktar minn sena u nstab wiċċu ‘l isfel fl-ilma waħdu ġewwa bajja f’Marsaskala.