Fost iċ-ċapċip li ħonoq is-sala Antoine de Paule fil-Palazz tal-President f’Ħ’Attard, Denilson Long, student ta’ 13-il sena li jattendi fil-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla u li għandu l-kundizzjoni tal-ADHD, ingħata l-Premju Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija.
Il-Kumitat għall-Laboratorju tal-Paċi irrikonoxxa l-att nobbli li jagħmel Denilson ma’ sieħbu tal-klassi, Kaydon Magro, li għandu kundizzjoni li tista’ twasslu li jitlef id-dawl ta’ għajnejh.
Denilson Long u Kaydon Magro huma żewġt iħbieb li jattendu l-Kulleġġ Santa Margerita Bormla, u ilhom jafu lil xulxin għal dawn l-aħħar sentejn.
Denilson li huwa student fl-istess klassi ta’ Kaydon ħass il-bżonn li jgħin lil sieħbu biex huwa ma jħossux maqtuh mill-bqija tal-klassi. Minkejja li Denilson iħobb jilgħab il-futbol, waqt il-ħin ta’ brejk, huwa jagħżel li jilgħab ma’ Kaydon il-billiard. Il-kundizzjoni ta’ Kaydon żżommu lura milli jagħmel attivitajiet li fihom jitħabat għax jista’ jwassal li jitlef id-dawl ta’ għajnejh kompletament.
Denilson qal: “Jien kunent bil-premju għaliex vera sabiħ. Lil Kaydon ngħinu fl-iskola, kuntent bih. Ilni nafu għal dawn is-sentejn u ngħinu fil-lessons, noqgħod miegħu fil-break”
Kaydon qal ma’ ONE News li l-għajnuna li jagħtih Denilson hija bla qis għax anke jassistih fil-klassi meta ma jkunx qed jara l-kitba sew.
“Ma tantx issib bħalu għax ikun moħħhom jiġru, jilagħbu u Denilson le. L-ewwel il-ħbieb imgħad il-logħob u l-isports. Għandek ħabib tajjeb żommu, titilfux.”
Il-premju li jingħata kull sena huwa monument ħaj tax-xogħol li kien wettaq il-Papa Ġwanni XXIII. Parti Dijonisju Mintoff qal li dan jirikonoxxi dawn l-atti sabiex ikomplu jinfirxu mas-soċjetà.
Il-President ta’ Malta George Vella feraħ lill-istudent żgħażugħ għall-premju li ngħata filwaqt li feraħ ukoll lill-ġenituri u l-għalliema tiegħu għall-valur sabiħ li qed ikomplu jsawru f’dan l-istudent eżemplari.
Il-President Vella ħeġġeġ ukoll studenti oħra kif ukoll adulti biex jieħdu l-eżempju ta’ Denilson u jgħinu persuni oħra li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli.