‘Mill-baħar iżraq ħadt ismi.’ Dan huwa ż-Żurrieq.
L-aħħar ta’ Mejju se jibqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ dan ir-raħal u tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina Verġni u Martri.
Dan għaliex din l-għaqda mużikali rregalat lill-paroċċa taż-Żurrieq tieqa tal-istained glass bl-ixbiha tal-patruna tar-raħal, Santa Katarina ta’ Lixandra, li twaħħlet mal-faċċata tal-Knisja Matriċi u Arċipretali ddedikata lil Santa Katarina taż-Żurrieq.
Sa mill-bidu tas-seklu għoxrin, din it-tieqa kienet inkluża fil-pjanta tal-faċċata tal-Knisja. Dan wassal biex, illum, madwar mitt sena wara, is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina wettqet din ix-xewqa ta’ missirjietna. Dan il-proġett huwa r-rigal taż-Żrieraq lill-Paroċċa għal dan is-seklu li ninsabu fih.
Ix-xogħol mirqum li sar f’din it-tieqa kien fdat f’idejn l-artist Jeremy Cachia, li din kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fl-istained glass.
Huwa spjegalna li ntużaw tliet ħġiġiet b’tan-nofs, l-istained glass u quddiem u wara b’żewġ ħġigiet trasparenti fejn dik li tagħti għal barra fiha l-protezzjoni għar-raġġi tal-uv. Dan biex jipproteġi kemm lit-tieqa nnifisha kif ukoll l-opri fil-knisja.
“Fuq kull parti tal-ħġieġa terġa’ tagħti kisja, żebgħa fuq il-ħġieġa kollha. It-Taljani jsejħulha grizalia, imbagħad jibda l-proċess, bil-kontra tal-pittura, tibda tneħħi ftit ftit biex joħroġ l-isfumar li tkun tixtieq. Kif jitlesta dak il-proċess tiddaħħal ġo forn 600 grad celsius u kif toħroġ I-żebgħa u l-ħġieġa jiġu ħaġa waħda. Sadanittant, il-ħġieġa tkun għadha biċċa biċċa, wara jitwaħħlu permezz ta’ profil fiċ-ċomb u tibda tingħaqad kif narawha lesta.”
Il-President tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina Verġni u Martri qalilna li d-daqs ta’ din l-opra artistika huwa ta’ ftit aktar minn erba’ metri b’żewġ metri. Tlabnih jgħidilna kif beda l-vjaġġ biex twettqet din il-ħolma ta’ missirijietna.
“Fl-2017, is-Soċjeta’ bdiet tiddiskutti x-xewqa li tagħti rigal lil Paroċċa u propju meta wieħed iħares lejn id-disinn li kien hemm fis-sagristija ta’ meta saru n-navi, disinn li jmur lura fil-bidu tas-seklu l-ieħor. Mill-ewwel giet l-idea li noffru lill-knisja t-tieqa prinċipali magħmulha fl-istained glass. Dan ġie approvat mill-Kurja u b’hekk tajna dan ir-rigal minn qalb iż-Żrieraq lill-paroċċa tagħna.”
Waqt iċ-ċerimonja tal-kxif u l-inawgurazzjoni ta’ din it-tieqa fil-Knisja, barra s-sehem tal-Banda Santa Katarina V.M. kien hemm diversi persuni distinti.
Dan il-kapolavur artistiku issa jista’ jitgawda kemm mill-poplu Żurrieqi u anki minn dawk kollha li joġgħobhom iżuru r-raħal pittoresk taż-Żurrieq.