Fil-Mużew Malta fil-Gwerra, il-Birgu qiegħda titella’ wirja unika bl-isem ta’ ‘Tieqa fuq l-Istorja’, li tfakkar tmenin sena minn meta Operation Pedestal messet ma pajjiżna bil-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija.
‘Tieqa fuq l-Istorja’ qed titella’ għat-tielet darba b’inizjattiva bejn il-Fondazzjoni Wirt Artna li tammistra l-Mużew Malta fil-Gwerra u l-Fondazzjoni Kottonera.
Operation Pedestal bdiet b’14-il bastiment u wasslet f’pajjiżna 5 bastiment; 3 minnhom daħlu fit-13 t’Awwissu, ieħor fl-14 t’Awwissu u l-SS Ohio f’jum Santa Marija
Dan il-konvoj daħħal f’pajjiżna provvista ta’ fjuwil u ikel, li ċertament kienu raġġ ta’ tama għall-poplu Malti, li kontinwament kien qed jiġi assedjat mill-forzi Ġermaniżi u Taljani, matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
F’din il-wirja qegħdin jiġu esebiti diversi artifatti mill-Mużew stess ftit ‘il bogħod flimkien ma’ oħrajn li normalment ma jkunux esebiti iżda li jkunu f’riserva, kif jispjega ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia.
“Biex nagħmlu din il-wirja aħna ħadna numru ta’ artifatti mill-Mużew nnifsu però wkoll mill-kollezzjoni ta’ riserva, affarijiet li normalment ma jkunux għall-wiri. B’hekk poġġejna numru ta’ artifatti illi permezz tagħhom qed ngħidu l-istorja ta’ dan il-Konvoj.”
Barra minn hekk, din l-edizzjoni żiedet mal-wirja tas-soltu b’mixja madwar l-artifatti fil-mużew li tkompli ma’ dik esebita minn ġot-tieqa ftit metri ‘l bogħod.
B’hekk il-viżitatur jingħata esperejenza ħolistika ta’ dak li pajjiżna għadda minnu matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Fost l-artifatti esebiti hemm, dokumenti, ilbies militari, armamenti u ritratti li jagħtu rendikont ta’ dak li ġara f’pajjiżna matul il-gwerra.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield stqarr kif din l-inizjattiva mal-Fondazzjoni Wirt Artna tkompli żżid l-attrazzjonijiet ġewwa l-Kottonera filwaqt li ħeġġeġ lil dawk interessati jattendu għal din il-wirja.
“Aħna naħdmu ħafna mal-Fondazzjoni Wirt Artna, bħala Fondazzjoni Kottonera, biex inkomplu nżidu l-attrazzjonijiet fil-Kottonera. Għandna ħafna attrazzjonijiet u din il-‘window exhibition’ li qed nagħmlu llum hija attrazzjoni oħra.”
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ottubru f’dawn il-ħinijiet.
“Il-wirja nnifisha wieħed jista’ jaraha b’xejn minn barra tul il-ġurnata kollha, jiġifieri bejn l-għaxra u l-ħamsa. Il-mużew huwa miftuħ bl-istess ħinijiet u miftuħin mit-Tnejn sas-Sibt.”