Il-Partit Laburista, reġa’ kiseb rebħa oħra, fit-tieni jum ta’ għadd tal-voti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, b’distakk ta’ madwar 23,000 fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif, fil-jum tal-Ħamis, sar l-għadd ta’ 21 lokalità oħra. Fl-ewwel jum tal-għadd tal-voti, il-Partit Laburista kiseb maġġoranza ta’ kważi 12,000 vot fuq il-Partit ta’ Bernard Grech.
Meta jittieħdu inkonsiderazzjoni l-ewwel jumejn tal-għadd tal-voti, f’erbgħa u erbgħin lokalità, il-Partit Laburista kiseb l-appoġġ ta’ aktar minn erbgħa u ħamsin fil-mija taċ-ċittadini fil-lokalitajiet rispettivi, b’distakk ta’ tlettax fil-mija fuq il-Partit Nazzjonalista.
L-għadd tal-voti favur il-Partit Laburista fil-jumejn tal-Erbgħa u l-Ħamis kien dak ta’ ftit inqas minn sebgħa u disgħin elf, waqt li l-Partit Nazzjonalista kellu ftit aktar minn tlieta u sebgħin elf vot.
Sat-tieni jum, ġew eletti mija u erbgħa u sebgħin kunsillier għall-Partit Laburista, mija u disgħa u tletin għall-Partit Nazzjonalista, u tmienja indipendenti.
Riżultat impressjonanti għall-Partit Laburista l-Ħamis kien dak fil-lokalità ta’ Bormla, fejn, għall-ewwel darba fl-istorja tal-kunsilli, se jkun hemm gvern lokali mmexxi kompletament minn partit wieħed.
Fil-fatt din il-belt ta’ Bormla, meqjusa bħala benniena tal-Partit Laburista, kisret kull rekord, b’ħames kandidati Laburisti jiġu eletti minn daqstant postijiet allokati għal-lokalità. Il-Partit Nazzjonalista ma kellu ebda kandidat li ġie elett.
Dan ir-riżultat għall-Partit Nazzjonalista seħħ ukoll wara li l-aktar kandidat li kien jiksiblu voti, għall-ebda raġuni, m’approvahx għal din l-elezzjoni.
Fil-fatt, James Cauchi, li ġie intervistat b’mod esklussiv minn ONE, tħalla sal-aħħar minuta jittama li ismu jitressaq lill-Kummissjoni Elettorali. Xi ħaġa li ma seħħitx, mingħajr ma ngħata raġuni mill-Partit tiegħu stess, anke jekk kien ilu aktar minn tletin sena jservih f’Bormla.
Għall-Partit Laburista, Marco Agius, reġa’ ġie kkonfermat bħala s-Sindku ta’ Bormla.
Sadanittant il-Partit Laburista żamm ukoll il-maġġoranza f’Tal-Pietà, bi Stefano Savo li se jservi bħala Sindku għall-ewwel darba.
Diversi Sindki, li servew fl-aħħar ħames snin, reġgħu ġew ikkonfermati wkoll, fosthom Wayne Aquiilina fil-Kalkara, Sandro Craus, fir-Rabat, Steven Grech f’Marsaxlokk u Jorge Grech f’Ħaż-Żabbar.
Dan filwaqt li f’Raħal Ġdid, Ħal Għaxaq, il-Fgura u l-Gudja ġew eletti erba’ Sindki ġodda f’isem il-Partit Laburista, li huma Jason Silvio, Karl Boxall, Clayton Cascun Portelli u Romeo Baldacchino rispettivament.
Fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet, il-Partit Laburista, wkoll kiseb diversi maġġoranzi, fosthom f’Ta’ Sannat, fix-Xagħra, b’Philip Vella u Victor Curmi se jservu bħala Sindki.
Fir-Rabat Għawdex, Mariella Abela, f’isem il-Partit Laburista, kisbet l-akbar ammont ta’ voti minn dawk kollha li kkontestaw fil-lokalità, anke jekk il-Partit Laburista ma kisibx il-maġġoranza.
Fil-lokal ta’ Marsaskala, Mario Calleja wkoll ġie kkonfermat bħala Sindku Laburista.
Il-lokalitajiet ta’ Ħal Lija, ir-Rabat Għawdex, l-Imġarr u Tas-Sliema, li tradizzjonalment jitmexxew minn maġġoranzi Nazzjonalisti, reġgħu marru għand il-PN.
F’Birkirkara, fejn il-Partit Nazzjonalista kien diġà għamilha fatta li se jikseb il-maġġoranza, dan baqa’ ma mmaterjalizzax u s-siġġijiet inqasmu bejn iż-żewġ partit l-kbar b’sitta kull wieħed u siġġu ieħor għal kandidat indipendenti.
F’San Ġwann, lokalità missielta u li ħames snin ilu kien hemm biss distakk ta’ 87 vot, issa se tkun qed titmexxa mill-Partit Nazzjonalista. Dan l-istess jista’ jingħad għall-Imsida.
Il-proċess tal-għadd tal-voti tal-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jiġi konkluż il-Ġimgħa, bl-aħħar 23 lokalità.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, permezz ta’ post fuq Facebook, radd ħajr lil kull min ta sehmu f’dan il-proċess, filwaqt li awgura lil dawk eletti – fejn il-Partit Laburista qed iżomm maġġoranza b’saħħitha ta’ tmexxija ta’ kunsilli lokali u kunsillieri eletti.