Wara s-suċċess li kellha s-sena l-oħra, l-attività ‘Sempre Vivo – Dejjem Ħaj’, se tirritorna fil-gżira Għawdxija. Il-kunċert ta’ mużika varjata, li se jittella’ fil-11 t’Awwissu li ġej, fi Pjazza Vittorja, fix-Xagħra, għandu l-għan nobbli li jiġbor fondi għal Puttinu Cares.
Fil-fatt il-kunċert hu organizzat mill-Karus l-Aħmar, li kien twaqqaf biex jitfakkar żagħżugħ li miet bil-kanċer, bl-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex.
Din is-sena l-kunċert mistenni jkun wieħed memorabbli fejn se jindaqqu ġeneri differenti ta’ mużika, fosthom dik Rock, Pop, Gospel u Gregorjan.
Permezz ta’ orkestra live u band, diversi kantanti stabbiliti u oħrajn ġodda se jkunu akkumpanjati għall-ewwel darba minn kor tat-tfal.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li din l-attività mhux biss misset il-qlub ta’ ħafna, imma wkoll uriet is-saħħa tal-għaqda u l-ġenerożità tal-poplu Għawdxi u Malti.
“Attività li tkun qed tagħmel ġbir ta’ fondi, kif proprju ġara s-sena li għaddiet biex ukoll dawn il-flus jingħataw lil Puttinu Cares.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri
Camilleri temm jgħid li, permezz tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali, il-Ministeru hu kommess li jkompli jgħin attivitajiet b’għan nobbli li jħallu impatt pożittiv fuq is-soċjetà.