Persważ li kulħadd jiftakar ix-xeni ta’ ferħ li ddominaw il-belt ta’ Berlin meta fid-9 ta’ Novembru tal-1989 waqa’ il-famuż ħajt li għal snin sħaħ kien qasam din il-belt fi tnejn u li kien is-simbolu tal-qasma li kienet teżisti bejn l-Ewropa tal-Punent u dik tal-Lvant.
29 sena wara, aħna li tant fraħna bil-waqgħa ta’ dan il-ħajt, qed naraw li l-Ewropa qed terġa’ tinqasam. Din d-darba mhux minħabba l-Komuniżmu iżda taħt il-pressjoni tal-immigrazzjoni illegali li bħal baqqunier tal-prima qed tnaqqar u tkisser il-valuri demokratiċi li fuqhom ġiet mibnija l-Unjoni Ewropea.Niftakar li waqt li f’Settembru tal-2015 kont fil-belt ta’ Hamburg fil-Ġermanja, bejn waqfa u oħra tal-kors li kont qed nattendi, kont nara l-aħbarijiet li kienu ddominati mill-esodu tal-popolazzjoni Sirjana li kienet qed taħrab mill-kruha tal-gwerra fil-pajjiż. Konna naraw mijiet t’eluf ta’ Sirjani li kienu ġew imwaqqfa fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fuq il-fruntiera tal-Ungerija u konna nisimgħu bl-intenzjoni ta’ dan il-pajjiż li jibni ħajt sabiex l-ebda immigrant illegali ma jmiss l-art Ungeriża.
Rajna l-fences telgħin u jiena rajt l-uċuħ tal-Ġermaniżi li kienu jaraw l-aħbarijiet jisserjaw. Għall-ewwel darba fehmu x’kienet tfisser il-problema tal-immigrazzjoni illegali. Huma li kienu tant ‘il bogħod mill-Meditteran! U fehmu li dawn l-immigranti setgħu jispiċċaw f’pajjiżhom. Biżgħa li saret rejalta’ meta Angela Merkel tat il-permess lil miljun Sirjan sabiex jidħlu fil-Ġermanja.
Sadanittant, aktar tard fit-23 ta’ Ġunju tal-2016, l-Ingilterra vvutat f’referendum sabiex toħroġ mill-Ewropa, bil-fattur ewlieni jkun il-biżgħa tal-barrani. Bil-Brexit, l-Ingliżi vvutaw Leave minħabba li l-biża’ tal-immigranti u tal-barranin li, skont huma kienu qed jinvadu lil pajjiżhom, kienet kbira wisq. Permezz tal-vot tagħhom riedu jieħdu mill-ġdid lura r-riedni ta’ pajjiżhom f’idejhom.
Franza, min-naħa tagħha, introduċiet liġijiet iebsa kontra min b’mod jew ieħor jgħin lill-immigranti sabiex minn Ventimiglia fl-Italja jidħlu fi Franza.
Biex tgħaxxaqha ftit tax-xhur ilu, fl-Italja ħa l-poter Gvern ġdid iffurmat mill-koalizzjoni bejn il-Moviment tal-Ħames Stilel u l-Lega. Minn dakinhar l-Italja, permezz tal-Ministru Matteo Salvini, saret topponi b’mod qawwi u estrem kull żbark ta’ immigranti illegali li jaqsmu mil-Libja. Salvini wassal messaġġ ta’ id tal-ħadid u li ma kienx se jaċċetta aktar immigranti f’pajjiżu. Sa ma nafx kemm-il darba żeffen lil pajjiżna fin-nofs. Tant hu determinat fil-politika tiegħu li kien lest jibgħat l-immigranti fuq il-vapur militari Taljan Diciotti lura lejn il-Libja minn fejn ħarbu. Kellha tkun il-Knisja fl-Italja u l-Albanija u l-Irlanda li offrew soluzzjoni għal din il-kwistjoni.
Nhar it-Tlieta 28 ta’ Awwissu 2018, Salvini, iltaqa’ mal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li stqarr li l-Ungerija u l-Italja qatt ma kienu daqshekk qrib ta’ xulxin issa li għandhom l-istess politika ta’ tolleranza żero fil-konfront tal-immigranti. Mhux biss. Salvini ħareġ jakkuża lil Marcon u jgħidlu sabiex jieqaf jippriedka lil ħaddiehor x’għandu jagħmel u jxammar il-kmiem u jibda jaċċetta l-immigranti fi Franza jekk irid jagħti eżempju.
F’dan l-isfond, naraw numru ta’ pajjiżi Ewropej li ma jaċċettawx li jwettqu l-politika ta’ burden sharing u b’hekk ma jaċċettaw l-ebda immigranti illegali f’pajjiżhom. Kull min siefer lejn il-Polonja, Latvia jew l-Ungerija jista’ jixhed dan għax ma tarax persuni ta’ ġilda skura f’dawn il-pajjiżi.
Fl-istess jum li Salvini iltaqa’ ma’ Viktor Orbán kellna wkoll iż-żjara tal-Prim Ministru tar-Repubblika Andrej Babiš li f’pajjiżna stess iddikjara li pajjiżu mhux se jieħu l-ebda immigrant.
Allura wieħed jistaqsi: X’inhu l-futur tal-Ewropa fl-isfond ta’ din il-babilonja ta’ ħsibijiet u pożizzjonijiet fil-konfront tal-immigrazzjoni illegali? Kif se jagħmlu s-tmienja u għoxrin pajjiż membru ( l-Ingilterra tibqa’ membru sa Marzu 2019 sabiex jiġbdu l-istess ħabel u jevitaw li jinbena ħajt li ogħla u aktar perikoluż minn dak ta’ Berlin?
It-triq ‘il quddiem urieha l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-konferenza stampa mogħtija wara l-laqgħa mal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka. Dik tad-djalogu. Li pajjiżi jpoġġu madwar mejda u jifhmu lil xulxin. Kulħadd bir-rejaltajiet tiegħu. Kulħadd bl-esiġenzi tiegħu. Kulħadd bis-soluzzjonijiet tiegħu.
Mill-kliem imbagħad il-mexxejja iridu jgħaddu għall-fatti mingħajr aktar ħela ta’ ħin.
Malta diġà uriet kif lesta tikkoopera ma’ pajjiżi oħra sabiex taqsam il-piż tal-immigrazzjoni.
Il-pajjiżi l-oħra wkoll iridu jkunu dinamiċi f’dan l-aspett għax iċ-ċittadini Ewropej aktar qed jisimgħu mill-movimenti estremi li huma kontra l-immigrazzjoni milli mill-gvernijiet demokratiċi u liberali tagħhom.
Bl-elezzjonijiet Ewropej wara l-bieb, il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja ma jistgħux jibqgħu jipposponu d-deċiżjonijiet u jwaddbu l-problema taħt it-tapit.
Jekk ikomplu jsuqu bil-handbreak mtella’ qed jirriskjaw li jerga’ ikollna l-Ewropa ta’ Abel u l-Ewropa ta’ Kajjin.
Fl-isfond soċjo-politiku tal-lum jeħtieġ għaqda u vuċi waħda u soda li tirrispetta kemm il-ħtiġijiet sagrosanti taċ-ċittadini li jridu jgħixu f’pajjiżhom b’serħan ta’ moħħ kif ukoll tal-immigranti li huma bnedmin bħalna u għandhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
Nemmen li d-djalogu bejn il-mexxejja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropeja u l-intraprendenza li għandhom juru f’dan il-mument daqshekk delikat, għandu jwassal għal soluzzjoni li tista’ tidher utopika imma li fl-opinjoni tiegħi hija l-aħjar f’waħda fil-kuntest preżenti. Dik li l-pajjiżi Ewropej jaħdmu fuq qafas li jassiguraw tmexxija demokratika u ġusta fil-pajjiżi Afrikani sabiex l-ebda ċittadin Afrikan ma jħoss il-bżonn li jaħrab minn pajjiżu minħabba nuqqas ta’ demokrazija u faqar.
Fuq kollox id-dinja hija villaġġ kbir wieħed u kull bniedem għandu d-dritt jgħix fil-paċi f’pajjiżu.