Mit-Tnejn daħlet fis-seħħ l-iskeda nazzjonali l-ġdida tal-ġbir tal-iskart domestiku; skeda li tagħmilha possibbli biex, minn din is-sena, l-immaniġġjar tal-ġbir u l-ġarr tal-iskart domestiku jkun l-istess għal Malta u Għawdex kollha.
Din l-iskeda qed tidħol fis-seħħ wara 3 snin ta’ konsultazzjoni u saħansitra diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea.
B’din l-iskeda, li timplimenta ġabra fuq bażi reġjonali madwar pajjiżna, minflok kull Kunsill Lokali jkollu l-kuntrattur partikolari tiegħu, is-sitt reġjuni se jkunu qed jimmaniġjaw sitt tenders differenti għal-lokalitajiet li jappartjenu lilhom.
Dwar din l-iskeda l-ġdida tkellimna mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava.
Huwa spjega kif hija mqassma din l-iskeda u l-vantaġġi diversi li din toffri għall-pubbliku.
“Tapplika għall-iskart kollu residenzjali, jiġifieri household waste. Il-bidla se tkun li se tinġabar it-Tnejn, l-Erbgħa. u l-Ġimgħa l-borża organika, it-Tlieta u s-Sibt il-borża s-sewda, u l-Ħamis il-borża l-griża jew il-ħadra. Kif wieħed jinnota b’mod pożittiv b’din il-bidla se jkun il-fatt li kuljum se jkun hemm ġabra ta’ borża ta’ kulur wieħed, jiġifieri mhux aktar bħal qabel li kellek lokalitajiet li jkollhom żewġ tipi ta’ skart differenti. Apparti minn hekk ukoll, din l-iskeda se tkun qed taħdem fil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex.”
Mario Fava spjega wkoll ma’ dan l-istazzjon kif il-pubbliku jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar din l-iskeda l-ġdida.
“Minkejja li l-borża hija kullimkien l-istess, jista’ jkun li l-ħin ivarja minn lokalità għall-oħra. Allura nistieden lil kulħadd biex jidħol fis-social media ta’ kull kunsill lokali biex ikun jista’ jara dan. Ukoll hemm avviżi għaddejjin, hemm ukoll il-customer care tal-Wasteserve u d-Dipartiment tal-Gvern lokali li qed imexxi l-kampanja, jiġifieri hemm il-mezzi kollha, partikolarment, imma s-social media li wieħed jista’ jirreferi għalihom.”
Tkellimna wkoll mal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li tkellem dwar kif din is-sistema l-ġdida hija opportunità biex kulħadd jagħti sehmu għal ambjent aħjar.
“Din ir-riforma li qed nagħmlu hija opportunità sabiex in-nies jipparteċipaw f’xi ħaġa pożittiva għall-ambjent, u kulma qed nitolbu lin-nies huwa li joħorġu l-borża t-tajba fil-ġurnata li jmissha. B’dak l-att biss, ikunu qed jagħmlu biċċa xogħol kbira favur ambjent aħjar.”
Il-Ministru Bonnici kkummenta dwar ir-riżultati pożittivi ta’ din l-iskema l-ġdida.
“Din is-sistema għadha fl-ewwel jiem tagħha, pero jidher li mill-bidu nett kien hemm riżultati pożittivi, pereżempju fl-ammont ta’ tunnellati ta’ skart organiku. Dan żdied meta mqabbel mal-average li kien jiġri fil-ġimgħat ta’ qabel. Ukoll it-traġitti, li l-ammont ta’ tragitti li kien hemm bżonn biex jinġabar dan l-iskart organiku naqas bi 15 fil mija. Naturalment, huma kollha riżultati pożittivi favur l-ambjent, inqas traffiku, li huma kollha affarijiet li rridu nibnu fuqhom.”
Fl-aħħar nett, il-Ministru Bonnici tkellem dwar il-vantaġġi ta’ din is-sistema l-ġdida għal pajjiżna.
“Li jkollok skeda waħda nazzjonali għal Malta u Għawdex kollha hija xi ħaġa ta’ konvenjenza għall-pubbliku. Issa kulħadd jaf li, huma fejn huma, joqogħdu fejn joqogħdu, għandhom ġurnata waħda li fiha joħorġu l-borża partikulari. Hemm vantaġġ ieħor, għax kif inhi strutturata din l-iskema, tinċentiva iktar separazzjoni tal-iskart fid-djar tal-familji tagħna.”
B’din l-iskema ġdida, il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jkompli jikkopera u joħroġ il-borża skont il-ġurnata skedata.
Kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa, u l-Ġimgħa, jinħareġ biss l-iskart organiku, jiġifieri l-borża l-bajda, filwaqt li t-Tlieta u s-Sibt tinħareġ il-borża s-sewda bl-iskart imħallat. L-iskart rriciklat fil-borża l-ħadra jew il-griża, għandu jinħareġ biss il-Ħamis.
Il-ġbir tal-ħġieġ se jkun qed isir darbtejn fix-xahar, fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar u fit-tielet Ġimgħa.