Mill-bidu ta’ din is-sena l-ġdida, daħal fis-seħħ il-ftehim storiku għall-ikbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali. Dan seħħ wara li, s-sena l-oħra, kien hemm qbil ieħor bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali biex tiżdied il-Paga Minima Nazzjonali, it-tieni waħda wara dik li kien hemm fl-2017.
Dan il-ftehim importanti wassal biex sa tliet snin oħra, jiġifieri sal-2027, il-Paga Minima Nazzjonali se tiżdied bejn €12 u €18 fil-ġimgħa, apparti l-COLA li tingħata lil kull ħaddiem kull sena.
Dan se jwassal biex din is-sena, li għadna kif bdejna, il-Paga Minima, bil-COLA inkluża se tkun ta’ €213.54.
Il-ftehim maqbul is-sena l-oħra jistabblixxi li, wara l-2027, trid terġa’ tifforma Low Wage Commission, biex mill-ġdid terġa’ ssib l-aħjar mod kif tiżdied il-Paga Minima Nazzjonali.
L-ewwel ftehim, li kien sar għall-ewwel żieda fil-Paga Minima Nazzjonali wara 27 sena, seħħ fl-2017 b’żidiet gradwali sal-2019. F’dan il-perjodu kien hemm żieda ta’ €8 fil-Paga Minima Nazzjonali biex issa f’temp ta’ għaxar snin sal-2027 se terġa’ tiżdied sa massimu ta’ €18.
Dwar din l-akbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, f’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din hi waħda minn diversi bidliet li qed jitwettqu mill-Gvern għall-ġid tal-ħaddiema.