Id-dħul fis-seħħ tal-liġi tad-dimanju pubbliku kien immarkat b’laqgħa bejn il-Ministru tal-Ambjent u Din l-Art Ħelwa. It-tnejn li huma qablu kemm din il-liġi se tkun kruċjali biex jitħares iktar il-patrimonju ta’ pajjiżna.
Il-liġi tad-dimanju pubbliku kienet maqbula bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni u għandha tliet għanijiet. Dak li jipproteġi l-wirt naturali, kulturali u storiku għall-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll dawk tal-ġejjieni.
Il-Ministru Jose Herrera spjega kif il-Gvern iqis din il-liġi bħala waħda li tagħtih saħħa ġdida biex iħares dawk li huma interessi taċ-ċittadin. Għax issa l-Gvern għall-ewwel darba għandu l-poter li jiddikjara siti bħala ta’ dimanju pubbliku, għax ikollhom importanza patrimonjali, ekoloġika jew storika.
Fuq kollox il-liġi se tħalli legat pożittiv għax hija liġi favur il-governanza tajba. Din il-liġi tati wkoll definizzjoni ta’ kosta, fejn il-perimetru tal-kosta se jkun ifisser dik il-parti tal-art li tinsab 15-il metru ’l ġewwa mil-linja tal-kosta. Din il-liġi kienet deskritta bħala “monumentali”, għax permezz ta’ skrutinju iebes bejn iż-żewġ naħat tal-kamra se jkun hemm titjib fid-decizjonijiet li jista jkollhom kemm impatt ambjentali u ekonomiku.