L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qabżet għal Jason Azzopardi wara li fl-aħħar jiem inqabad f’gidba dwar żjara f’lukanda mħallsa mill-kumpanija ta’ Yorgen Fenech f’Tel Aviv.
Meta kienet mistoqsija dwar dan, Metsola qalet li Azzopardi żbalja imma ta’ dan tkellem.
Metsola kienet qed tikkummenta qabel żjara li għamlet lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, l-għada li laħqet Viċi-President tal-Parlament Ewropew.
Metsola kienet mistoqsija wkoll għalfejn f’dawn l-aħħar ġimgħat ddefendiet il-Gvern Bulgaru ta’ Boyko Borrisov meta dan għandu akkużi serji ta’ korruzjoni mdendlin fuq rasu u jinsab investigat fuq ħasil ta’ flus.
Madankollu l-fatti juru kontra hekk kif Metsola ressqet diversi emendi għal reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt fil-Bulgarija.
Emendi li ġabu magħhom baraxx ta’ kritika fil-konfront tal-Ewroparlamentari Maltija minn diversi esponenti Bulgari li kienu qed jipprotestaw kontra l-Gvern korrott tagħhom.
Metsola saħansitra ġiet innominata għat-titlu ta’ Mrs. Mafia minn dawk li kienu qed jipprotestaw.
Meta reġgħet kienet mistoqsija għalfejn baqgħet tiddefendi l-Prim Ministru Boyko Borissov mgħerreq fil-korruzzjoni u li allegatament ġie rrekordjat jgħid li jrid jaħraq ewroparlamentari Bulgara, Metsola ħarbet.