Fi stqarrija, il-kumpanija Chetcuti Cauchi ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru minn stazzjon Franċiż dwar allegat impressjoni li ngħatat li jkun hemm ċans li xi ħadd jagħlaq għajnejh dwar applikazzjonijiet għall-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.
Id-ditta lokali llimitat ruħha għal tliet dikjarazzjonijiet għaliex fi kliemha trid l-awtoritajiet iwettqu skrutinju ħieles u seren.
Id-direttur tal-kumpanija ċaħad li huwa qatt tkellem ma’ politiku biex jintervjeni illegalment f’każijiet ta’ klijenti tal-kumpanija u saħaq li ma kellhomx klijenti li ma ġewx approvati mbagħad id-deċiżjoni dwarhom inbidlet.
Saħaq li ma kellhomx klijenti li ma ġewx approvati minħabba rekord kriminali anki għaliex il-programm innifsu ma jippermettiex dan.
Id-direttur ta’ Chetcuti Cauchi temm jappella li l-iskrutinju jsir biex toħroġ il-verità iżda li dan jiġi konkluż mill-aktar fis għaliex il-kumpanija timpjega 140 persuna, li għandhom il-familji tagħhom jiddipendu fuqhom.