L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun ċaħdet allegazzjoni li saret mill-Professur Pierre Schembri Wismayer li fuq il-midja soċjali ta l-impressjoni li setgħet tbagħbset xi statistika biex tiffavorixxi l-emendi fil-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Fi stqarrija, l-awtorità nnotat l-stqarrija tal-Professur Schembri meta ddikkjara ““Wonder why it (success rate) has gone down since than – Maybe to encourage statistics for the New Law????”.
Il-Prof. Schembri kien qed jagħmel referenza għal statistika ppubblikata mill-Awtorità fir-rapporti annwali tagħha dwar ir-rata ta’ suċċess ta’ trattament tal-IVF f’Malta li hija inqas minn tletin fil-mija.
L-Awtorità qalet li l-istatistika hija bbażata fuq proċeduri approvati li saru u ġew irrapportati mill-kliniċi liċenzjati u fl-ebda ħin ma tbiddlet jew tbagħbset biex tiffavorixxi l-emendi kif intqal mill-Prof Schembri Wismayer.
L-Awtorità assigurat lill-Prof Schembri Wismayer li kull bajda u kull embrijun mill-proċeduri li jsiru hawn Malta huma kollha accounted for, u li ċ-ċifri ppubblikati huma dawk reali.
L-Awtorità informat ukoll li mit-twaqqif tal-Awtorità sal-lum kien hemm ħames (5) embrijuni ffriżati u l-ebda minnhom ma “nqatel” kif allegatament xxandar minn Pastor Gordon Manche. Qalet li żewġ embrijuni ġew ittrasferiti fl-omm prospettiva u t-tlieta l-oħra għadhom jinsabu ‘cryopreserved’ fl-isptar Mater Dei.
L-Awtorità appellat biex tinżamm kawtela fuq dak kollu li qed jingħad speċjalment dwar il-koppji li qed jirrikorru għal dawn it-trattamenti tal-infertilità, kif ukoll dwar it-tfal Maltin diġà mwielda minn dawn il-proċeduri.
Qalet li huwa wkoll ir-rwol tagħha li apparti milli tipproteġi l-embrijuni tħares ukoll l-interessi ta’ dawn il-ġenituri prospettivi u tat-tfal imwielda.
L-Awtorità appellat ukoll biex issir diskussjoni b’saħħitha dwar dawn l-emendi fil-liġi u tassigura lill-pubbliku li kull proċedura li se tiddaħħal b’dawn l-emendi, l-Awtorità se tkun qed tara li din tingħata bl-ogħla standards għall-ġid tal-embrijuni, tal-ġenituri prospettivi u tal-ulied li se jitwieldu.