Għal Pamela, il-Ħadd tmienja ta’ Mejju 2022 kien l-ewwel Jum l-Omm li ċċelebrat. Dan wara li f’Diċembru li għadda, hi flimkien ma’ żewġha, laqgħu fi ħdanhom lil James.
James huwa isem fittizju li għażilna nagħtu lit-tifel li qed jiffosterjaw fuq talba li l-identità tiegħu tibqa’ privata.
Fi Ġnien tal-Kmand il-Qrendi, iltqajna ma’ Pamela Schembri fejn esprimiet l-uġigħ li kien iġibilha dan il-jum.
Kienet ix-xewqa tal-koppja li jsiru ġenituri, iżda ċ-ċirkostanzi riedu li jsir mod ieħor.
Irrakkontat kif hi u żewġha iddeċidew li jaqsmu mħabbithom ma’ tfal li qed ifittxu familja għall-fostering. Spjegat kif bħalma l-ġenituri jkollhom xhur tat-tqala biex jippreparaw għal tarbija, l-istess jiġri f’każ ta’ fostering.
Hija stqarret, “Aħna wkoll kellna ammont ta’ żmien għax inti mhux tfaqqa’ subgħajk u jagħtuk it-tfal, jiġifieri hemm proċess, trid tagħmel il-kors, ikun hemm matching, jiġifieri jkun hemm ħafna affarijiet xorta tkun ilek tistennih, imma xorta ma tkunx naħseb lesta li l-ħajja tiegħek se jeħodhielek over daqshekk.”
Pamela ilha sitt xhur tieħu ħsieb lil James, li sakemm konna fil-ġnien u hu dlonk idur u jgħaqad biex isib il-bebbux, qaltilna li rat progress f’dan it-tfajjel ċkejken ta’ erbgħa snin.
Hawn esprimiet it-tifsira ta’ Jum l-Omm għaliha, li minkejja li mhix l-omm bijoloġika, l-imħabba li għandha lejh ma tistax’ tiddiskriviha.
Pamela tenniet, “Mhux dik hi l-importanti li inti tħobbhom lil dawn it-tfal u tagħtihom, iġġibhom l-ewwel u qabel kollox u tagħtihom dak li hemm bżonn. Allura jgħajjatlek ma jew jgħajjatlek Pam jew jgħajjatlek b’liema mod ieħor, mhux l-aqwa li tarah kunent, jiġifieri dik hi l-Mother’s Day hux.”
Irrakkontat l-emozzjonijiet li tħoss bħala omm, u qalet kif din l-esperjenza fl-aħħar sitt xhur bidlitilha ħajjitha.
Schembri qalet, “Imma fl-aħħar mill-aħħar, speċjalment meta narah rieqed, meta narah komdu, meta narah ngħid ehe naħseb xi ħaġa tajba qed nagħmlu, u qed nagħmlu aħna, imma hu qed jagħmel ħafna lilna wkoll, għax l-imħabba reċiproka li jagħtik dan it-tifel, dan il-wild, it-tfal kollha. It-tfal iġibu l-ferħ, naħseb li xorta worth it, avvolja meta jitlaq jew jekk jitlaq il-weġgħa tkun kbira, imma naħseb li xorta worth it.”
Bħal James haw 260 tifel u tifla u anke żgħażagħ li qed joqgħodu ma’ 184 familja li laqgħu f’daharhom tfal fil-fostering.