L-omm mhux bilfors hi persuna li tkun welldet b’mod naturali.
L-omm hija dik il-mara li taf tgħożż, tħobb, u tieħu ħsieb lil dawk fdati lilha. Omm tista’ tkun dik il-mara li qatt ma welldet imma li qed trabbi ulied ħaddieħor, daqslikieku huma tagħha, l-istess bħalma omm naturali tgħożż lit-tarbija ġdida tagħha.
Għal Yvette Farrugia, ċertament Jum l-Omm ta’ din is-sena se jkun wieħed differenti. Iċ-ċkejken Vikram, li twieled l-Indja, bilkemm għadu għalaq ħmistax-il jum magħha. Għalkemm dak kollu li qed jesperjenza f’Malta huwa kollu ġdid għalih, diġà qed jidra l-ħajja tal-familja Maltija.
Iltqajna mal-koppja Farrugia fil-Bandli tal-Magħluq, f’Marsaxlokk. Vikram għad għandu tliet snin u tmien xhur. Huma rrakkuntawlna li kien fis-26 ta’ April li għadda li ltaqgħu ma’ Vikram għall-ewwel darba wiċċ imb wiċċ, għax sa dakinhar kienu rawh biss permezz ta’ filmati diretti fuq l-internet.
Kienu ilhom iktar minn ħames snin jistennew li l-ħolma li jkollhom wild issir realtà. F’Diċembru 2021 Vikram ġie ddikjarat bħala li huwa l-wild adattat għall-koppja Farrugia. Huma stqarrew magħna li, wara ħafna qtigħ il-qalb, ingħataw l-istorja medika tiegħu flimkien ma’ rapport sħiħ li jiffoka wkoll fuq aspetti oħrajn bħall-aspett psikoloġiku u anki l-imġiba.
Fl-Indja Vikram kien jgħix f’orfanatrofju ta’ 70 tifel u tifla. Bħala l-ġenituri l-ġodda tiegħu, b’għożża u bi mħabba Yvette u Joseph qed iħaddnu lil binhom fil-familja ġdida tiegħu.
Yvette qasmet magħna ħsibijietha dwar ir-responsabbiltajiet ġodda li issa għandha bil-miġja ta’ Vikram.
Qalet, “Inħossni b’responsabbilità li qabel ma kellix sa tliet ġimgħat ilu. Bla ebda tgergir qed ngħidha. Happy ħafna li għandi dawn ir-responsabilitajiet. Għalkemm fil-passat ħadt ħsieb ħafna kreaturi li kienu kollha dipendenti fuqi – qed nirreferi għall-klieb, qtates, u għasafar – issa għandi kreatura oħra li totalment … ma tistax toħroġ mid-dar u tħalliha rieqda waħidha. Issa mmur fejn immur, jew jien jew ir-raġel, inkunu miegħu jew inġorruh magħna”
Min-naħa tiegħu, Joseph għandu messaġġ x’jgħaddi lil dawk li qegħdin fit-triq biex jaddottaw jew jiffosterjaw: messaġġ skjett biex ma jaqtgħux qalbhom.
Qal, “Ħa tibbondja mat-tifel, għax hawn min jgħidlek, ‘Se nħobbu daqs it-tifel tiegħi?’. Inti se tkun wellidtu xorta; wellidtu xorta f’qalbek. Dawk ix-xhur kollha, itwal minn disa’ xhur li trid tistenna, u se tipprepara għalih. Issir tħobbu daqslikieku twieled b’mod naturali. Aħna mill-ewwel ibbondjajna miegħu. Lanqas ilna gimgħatejn. Lanqas irrid nemmen li qed juża kliem bil-Malti, tifel li lanqas ‘yes’ u ‘no’ ma kien jaf. Inħajjarhom ma jibżgħux għax kif issib il-kuraġġ tagħmel il-mirakli. Nammetti li konna xi ftit anzjużi, u ssib support system iktar milli taħseb. Malta għad hawn kunċett tal-familja.”
L-omm ġdida tkellmet magħna dwar l-istennija għal Vikram, li kultant ma kinitx waħda faċli.
Qalet, “Nirringrazzja wkoll – għax biex stajna nagħmluha kellna ħafna ħafna support, kemm tal-familja u kemm tal-ħbieb; ħbieb tal-qalb u ħbieb ta’ veru, għax anki biex sempliċiment morna għalih, ridna min jgħinna biex joqgħodilna hawn mal-kreaturi l-oħra li ħallejna d-dar.Ħallejna parti mill-familja, biex morna ġibna parti mill-familja oħra.”
F’dan il-jum iddedikat lil omm, l-isbaħ xewqat imorru mhux biss għal dawk li welldu b’mod naturali, imma wkoll għal dawk in-nisa li qatt ma welldu iżda li qed irabbu tfal adottati jew iffosterjati daqslikieku kienu wliedhom naturali.