Bħalissa qeda tittella’ wirja ta’ arti viżiva, bl-isem ta’ Hotel Babaw gewwa l-lukanda Splendid, fi Strada Stretta, il-Belt Valletta.
Il-wirja tal-artist Malti Joseph Bugeja tikkonsisti f’25 pittura, zejt u akriliċi u s-suġġett huwa krejaturi li nsibu fil-folklor Malti, li l-aktar fi żmien missirijietna kienu jxerdu biża fil-gżejjer tagħna.
Sfortunatament ħafna minn dawn il-karattri jew drawwiet qegħdin jintesew maż-żmien u għalhekk l-artist, wara ħafna riċerka u ħin fuq il-mejda tat-tpenġija, iddeċieda li bl-arti tiegħu jagħti iktar għarfien lil dawn il-ħlejjaq. Fost il-karattri li jiffurmaw parti minn din il-wirja insibu il-Gawgaw, Gadajdu, il-ħeddiela, il-babaw, il-ħares u ħafna oħrajn.
L-artist ried li kull min jattendi ghal din il-wirja jgħaddi minn esperjenza u mhux biss jara kwadri mwaħħlin ma’ hajt. Għalhekk ħaseb li anke l-ambjent fejn qed tittella, ikun parti integrali mill-wirja.
Hotel Babaw ser tibqa’ miftuħa sal-20 ta’ Novembru u l-ħinijiet tal-wirja huma matul il-ġimgħa mis-19:00 sad-21:30 u tmiem il-Gimgha mill-10:00 san-12.30 u mis-14:00 sal-22:00. Id-dħul huwa b’xejn.