Il-Partit Nazzjonalista qal li ma jneħħi ebda art miż-żona ta’ żvilupp, iżda fl-istess ħin qed jgħid lill-ġurnalisti li ma jridx iwieġeb iktar dwar din il-kwistjoni.
Meta kien fil-gvern il-Partit Nazzjonalista estenda ż-żoni tal-iżvilupp b’art daqs is-Siġġiewi u fuq dik l-art llum is-sidien japplikaw biex jibnu.
F’konferenza dwar kif nistgħu nieħdu ħsieb aħjar l-ambjent, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Janice Chetcuti ġiet mistoqsija jekk illum il-Partit Nazzjonalista jneħħix id-dritt li ngħataw eluf ta’ sidien ftit tas-snin ilu.
Hawn dehret skomda biex twieġeb.
Ġurnalist – Liema artijiet mill-iskema tal-iżvilupp se tkunu qed tneħħu minn din l-iskema? Għaliex, ok, sabiħ nisimgħu ħafna kliem sabiħ mill-Partit Nazzjonalista dwar l-ambjent, iżda b’mod tanġibbli liema art tneħħu intom?
“Din naħseb wasal iż-żmien li ma tibqgħux issemmuha.”
Mhux komdi bir-risposta, għax ma kienet risposta xejn, staqsejna għal tweġiba skjetta.
Tlabniha tgħid liema partijiet lesta tneħħi, ladarba sħabha jipprotestaw fuq applikazzjonijiet li jsiru fuq artijiet li daħħlu fiż-żona tal-iżvilupp huma stess.
“Aħna dan id-dokument għadna rridu ngħadduh. Ovvjament, issa inti se tkun minn tal-ewwel li jkollok id-dokument f’idejk u tkun tista’ tara anke fuq din il-mistoqsija li staqsejtni.”
Ġurnalist – M’għandekx tweġiba tanġibbli, jiġifieri? Liema art se tkunu qed tneħħu mill-iskema tal-iżvilupp tal-2006?
“Ija ħa ntuwielek mal-preżentazzjoni tal-bqija.”
Il-Partit Nazzjonalista kontinwament qed jinqabad fuq sieq waħda għax filwaqt li jipprova jirkeb fuq is-sentiment popolari, jaf li meta jiġi għall-fatti hemm il-piż tad-deċiżjonijiet li ħa hu stess u li s-soċjet qed tibqa’ ġġorru.
Fil-fatt, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u anke d-Deputat Stanley Zammit, iddikjaraw b’mod ċar li l-Partit Nazzjonalista ma jmiss id-drittijiet ta’ ħadd.
Ġurnalist: “Min għandu art fabbrikabbli qed tgħidulu li se tneħħuhielu miż-żona tal-iżvilupp?”
Stanley Zammit: “Le.”
Zammit kien qal dan minkejja li mar jipprotesta fuq applikazzjonijiet fuq dawn l-istess artijiet.