L-eks Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili se tkun qed tqatta’ l-Milied l-ħabs wara ordni ta’ Qorti Belġjana.
Din il-Qorti estendiet il-perjodu li Kaili tinżamm arrestata qabel jibda jistema’ l-każ fil-konfront tagħha, għal xahar.
Eva Kaili se tinżamm arrestata minkejja li d-difiża tagħha argumentat li hija għandha tilbes it-tikketta elettronika.
Fost l-oħrajn, Kaili qed tkun akkużata b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus b’rabta mal-allegat tixħim mill-Qatar.
Fit-tfittxijiet li għamlet il-pulizija Belġjana, instabu mal-miljun u nofs ewro f’żewġt id-djar u bagalja allegatament konnessi ma’ dan il-każ.
Eva Kaili, kienet waħda mill-Viċi Presidenti ta’ Roberta Metsola, li qed taffaċċja pressjonijiet kbar fil-Parlament dwar il-prattiċi li dan jitmexxa bihom.
Fost l-iżviluppi li segwew din l-istorja, l-avukat ta’ Kaili kien qal li l-klijenta tiegħu kienet qed timplimenta pjan usa’ tal-Unjoni Ewropea u saħansitra kienet qed tingħata l-ordnijiet minn Metsola.
Apparti minn hekk, rapporti qalu kif iċ-Chief of Staff ta’ Roberta Metsola kellu mill-inqas żewġ laqgħat mal-awtoritajiet tal-Qatar.