Għal darba oħra, id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti naqset milli tgħidilna liema huma l-artijiet li se jneħħi l-Partit Nazzjonalista mill-iskema tal-iżvilupp tal-2006 u kompliet tixhed il-konfużjoni li għandu l-partit ta’ Bernard Grech dwar il-politika ambjentali, b’sieq ’l hemm u sieq ’l hawn,
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Parlament, Chetcuti reġgħet kienet skomda milli tgħidilna liema artijiet tneħħi minn żvilupp, artijiet li Gvern Nazzjonalista daħħal għal żvilupp.
F’dak iż-żmien iż-żoni tal-iżvilupp ġew estiżi b’art daqs is-Siġġiewi u fuq dik l-art illum is-sidien jistgħu japplikaw biex jiżviluppaw.
Qalet, “Tkellimna fuq din, tkellimna wkoll fuq kemm intom dejjem issemmu proprju l-2006.”
Il-ġimgħa l-oħra l-istess Chetcuti kienet skomda milli twieġeb dwar liema artijiet lesta tneħħi.
Dan meta sħabha qegħdin jipprotestaw fuq applikazzjonijiet li jsiru fuq artijiet li daħlu fiż-żona tal-iżvilupp huma stess.
Qalet, “Dan id-dokument għandna rridu ngħadduh. Ovvjament, inti tkun wieħed minn tal-ewwel li jkollok id-dokument f’idejk u tkun tista’ tara anke fuq din il-mistoqsija li staqsejtni.”
Mistoqsija, “M’għandekx tweġiba tanġibbli, jiġifieri? Liema art se tkunu qed tneħħu mill-iskema tal-iżvilupp tal-2006?
Chetcuti rrispondiet, “Ija ħa ntuwielek mal-preżentazzjoni tal-bqija.”
Janice Chetcuti kienet qalet lill-ġurnalist ta’ ONE News ukoll li ma tridx twieġeb aktar dwar din il-kwistjoni.
Qalet, “Din naħseb wasal iż-żmien li ma tibqgħux issemmuha.”
Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kontinwament qed jinqabad fuq sieq waħda għax filwaqt li jipprova jirkeb fuq is-sentiment popolari, jaf li meta jiġi għall-fatti hemm il-piż tad-deċiżjonijiet li ħa hu stess u li s-soċjetà qed tibqa’ ġġorru.
Fil-fatt, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u anki d-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit iddikjaraw b’mod ċar li l-Partit Nazzjonalista ma jmiss id-drittijiet ta’ ħadd.
Mistoqsi minn ġurnalist, “Min għandu art fabbrikabbli qed tgħidulu li se tneħħuhielu miż-żona ta’ żvilupp, iva jew le?
Zammit irrisponda, “Le.”
Zammit kien qal dan minkejja li mar jipprotesta fuq applikazzjonijiet fuq dawn l-istess artijiet.