Il-President tal-Grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew Iratxe Garcia Perez bagħtet ittra lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli fejn formalment ilmentat dwar il-mod degradanti li ġie trattat bih l-Ewroparlamentari Malti Dr Alex Agius Saliba miċ-Chairperson ta’ Kumitat tal-Parlament Ewropew.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat hija l-Ewroparlamentari Ġermaniża tal-Partit Popolari Ewropew, Monika Hohlmeier.
Monika Hohlmeier bdiet twaqqaf lil Agius Saliba milli jitkellem fuq tema li Membru Parlamentari Ewropew ieħor, din id-darba tal-Partit Popolari Ewropew beda jitkellem fuqha fl-istess laqgħa, bid-differenza li l-membru tal-Popolari Ewropej, ma kienx imxekkel milli jitkellem.
Dan kollu sar waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari li fih iddiskuta l-użu tal-fondi Ewropej f’Malta u r-Repubblika Ċeka, bid-differenza li f’Malta ma hemmx dellijiet fuq l-użu tal-fondi u fir-Repubblika Ċeka hemm, tant li l-Prim Ministru tal-pajjiż Andrej Babiš qed jaffaċċja pressjoni dwar dan.
Malta mhux talli ma hemmx dellijiet talli saħansitra l-Kummissjoni Ewropea u l-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi, l-OLAF ikkonfermaw is-suċċess ta’ Malta fil-fondi Ewropej anki jekk tal-Partit Popolari Ewropew, li fih hemm imsieħeb il-Partit Nazzjonalista, ippruvaw jitfgħu dell ikrah fuq Malta.
Wara din il-konferma mill-istituzzjonijiet Ewropej, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħareġ jgħid li l-Labour iġagħlek tistħi għaliex f’Kumitat li kien qed jiddiskuti l-fondi Ewropej ta’ Malta, l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba beda jiddefendi isem pajjiżna.
Huwa infexx f’tgħajjir lejn Agius Saliba, b’Garcia Perez issa tilmenta u tgħid lil Sassoli li l-aġir ta’ Hohlmeier huwa diskriminatorju u inaċċettabbli.
Il-President tal-Grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew talbet lill-President tal-Parlament Ewropew biex iqajjem din il-materja fil-laqgħa li jmiss bejn iċ-Chairpersons tal-Kumitati fi ħdan il-Parlament Ewropew.