F’Għawdex ġew mibdula l-ismijiet ta’ numru ta’ skejjel permezz ta’ proġett pilota, li għandu l-għan li jqarreb l-iskejjel mal-komunitajiet.
Din l-inizjattiva tnediet fil-gżira ta’ tliet għoljiet, iżda maż-żmien se tkopri l-iskejjel kollha tal-pajjiż.
Dan il-proġett sar bi sħubija bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Union tal-Għalliema, l-MUT.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima qal li permezz ta’ din l-inizjattiva qed jiġu mfakkra u ċċelebrati l-personaġġi lokali f’kull lokalità.
“Qiegħdin naraw propju li l-bliet u l-irħula li għandhom l-iskejjel ġo fihom, primarji b’mod predominanti, ikollhom propju isem li jirrappreżenta persuna li tkun għexet jew tkun ħadet l-edukazzjoni tagħha f’dik l-iskola fejn tkun ħadet l-edukazzjoni tagħha.”
Intant, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri tkellem dwar kif inizjattivi bħal dawn jibqgħu isaħħu l-identità tal-iskejjel, u jżid l-għarfien qalb l-istudenti u l-pubbliku ġenerali fuq il-ħajja u l-ħidma tal-personaġġi ta’ dawn il-personaġġi.
“Flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni nedejna proġett pilota fejn l-iskejjel li huma parti mill-kulleġġ ta’ Għawdex ser ikollhom l-opportunità sabiex jagħtu isem ta’ personaġġ lokali lill-iskola tagħhom sabiex ikollhom aktar identità għalihom.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUT, Marco Bonnici saħaq li din l-inizjattiva għandha tkun bidu ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet simili li twassal għal evalwazzjoni tas-sistema tal-kulleġġi.
Tenna li din l-azzjoni se ssarraf ukoll f’rabta aktar b’saħħitha bejn l-iskejjel u l-komunità.
“Aħna nħossu li l-identità tal-iskejjel għandha terġa’ tiġi kkunsidrata. L-identità fil-passaġġ kienet marbuta personaġġ jew numru ta’ personaġġi, u allura xtaqna, u l-Ministeru aċċetta, li nħarsu nerġgħu lejn l-iskejjel, lejn l-identità u nerġgħu naraw li l-personaġġi jkunu parti mill-isem tal-iskola.”