Bil-għan li tiddaħħal iktar serjetà u tiżdied il-ġustizzja mal-ħaddiem, ser ikun hemm tibdil fil-liġi tax-xogħol biex tiżdied il-piena għal min jikser id-drittijiet tal-ħaddiema. Din hija wegħda oħra elettorali li qed tiġi mwettqa, dik li jiżdiedu l-pieni għal kull min iħaddem u jkun qiegħed jadotta prattiċi abbużivi.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul hekk kif fisser dan it-tibdil bħala pass ieħor importanti biex il-ħaddiem igawdi minn protezzjoni akbar fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li kellna sitwazzjoni fejn ħaddiema li ssir inġustizzja magħhom, bħal pereżempju meta ma jitħallsux il-paga kollha dovuta lilhom, jew jingħataw ħlas inqas milli suppost għall-overtime li jkunu ħadmu, jew ma jitħallsux ta’ festi pubbliċi, min iħaddem seta’ jeħel multa ta’ €232, saħansitra anke meta l-ksur jirrepeti ruħu.
B’dan it-tibdil, il-pieni għal min jinstab ħati li kiser il-liġi tax-xogħol ser jiżdiedu kif ġej:
- F’każ li persuna tinstab ħatja għall-ewwel darba, il-multa ser tiżdied għal minimu ta’ €2,000 sa massimu ta’ €5,000;
- F’każ ta’ ħtija għat-tieni darba, jew għad-drabi sussegwenti, il-multa ser tkun ta’ mhux anqas minn €5,000 u mhux aktar minn €7,000.
Min-naħa l-oħra, il-preskrizzjoni, jew inkella ż-żmien illi fih persuna li tkun allegatament wettqet reat, tkun tista’ tiġi investigata u mressqa l-Qorti, ser tirdoppja minn perjodu ta’ sena għal sentejn. B’hekk, il-ħaddiema ser ikollhom aktar żmien biex iressqu l-ilmenti tagħhom fuq ksur ta’ liġijiet tax-xogħol; u d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg, id-DIER se jkollu aktar żmien biex jinvestiga lil min iħaddem u jipproċedi l-Qorti.
Is-Segretarju Parlamentari elenka l-kullana ta’ inizjattivi li ħa l-Gvern tul dawn l-aħħar snin, bil-għan li jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, fosthom il-liġi li tirregola l-aġenziji tax-xogħol, is-settur tal-food couriers, u ż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali u inizjattivi oħra li taw aktar dinjità u protezzjoni lill-ħaddiema. Huwa kompla li l-miżura tal-lum se tkun qed tindirizza l-qasam tax-xogħol b’mod ġenerali, hekk kif se tintroduċi konsegwenzi serji u riġidi jekk min iħaddem ma jimxix mar-regolamenti stabbiliti bil-liġi.
“Dan jibqa’ Gvern li jieħu deċiżjonijiet konkreti sabiex iħares u jipproteġi lill-ħaddiema. B’din il-miżura qed nassiguraw li tiżdied il-ġustizzja mal-ħaddiem fejn inkomplu mexjin lejn pajjiż ta’ kwalità, fejn is-serjetà biss tiġi tollerata.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul
Qal li b’dawn l-emendi li se jressaq il-Gvern dwar il-liġi tax-xogħol qed jitwassal messaġġ ċar, dak li l-abbuż fil-konfront tal-ħaddiema mhux aċċettabbli. Temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-liġijiet biex id-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu jiġu mħarsa.
Min-naħa tagħha, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impieg, Diane Vella Muscat, fissret dawn il-tibdiliet bħala l-għodda neċessarja fl-irwol tad-Dipartiment li jinforza u jassigura standards għoljin tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. B’hekk tissaħħaħ il-protezzjoni lill-ħaddiema u jiġu assigurati prattiċi ġusti tal-impjieg.
