Il-Kumitat għas-Suq Intern u Ħarsien tal-Konsumatur nhar il-Ħamis approva l-ftehim proviżorju mal-Kunsill dwar Direttiva riveduta tal-Unjoni dwar l-armi tan-nar.
Il-liġi riveduta ssaħħaħ il-kontrolli fuq armi intenzjonati li ma jisparawx munizzjon u fuq armi li mhumiex diżattivati kif suppost, bħal dawk li ntużaw fl-attakki terroristiċi ta’ Pariġi.
Il-liġi ġdida tirrikjedi wkoll lill-pajjiżi tal-Unjoni biex idaħħlu fis-seħħ sistema ta’ kontroll għall-ħruġ u t-tiġdid ta’ liċenzji u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.
Vicky Ford, li qiegħda tmexxi din il-leġiżlazzjoni fil-Parlament, spjegat: “Aħna fassalna pakkett ta’ proposti li huma adegwati għal dawk li jipprattikaw l-isport tal-isparar, għall-kaċċaturi, għar-riservisti, għall-kollezzjonisti, għal dawk li jieħdu sehem f’rappreżentazzjonijiet ta’ battalji, u oħrajn. Dan il-ftehim joħloq bilanċ bejn l-interessi ta’ sidien leġittimi ta’ armi tan-nar u l-interess pubbliku taċ-ċittadini għal Ewropa aktar sigura”.
Id-direttiva tal-UE dwar l-armi tan-nar tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom persuni privati jistgħu jixtru u jżommu b’mod legali armi tan-nar jew jitrasferixxuhom lejn pajjiżi oħra tal-UE.
Il-passi li jmiss
Il-Parlament Ewropew mistenni jivvota fuq dan l-abbozz ta’ liġi fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu u wara dan jiġi approvat formalment ukoll mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE. Il-ftehim proviżorju diġà ġie maqbul mir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri tal-UE fl-20 ta’ Diċembru 2016.
L-Istati Membri għandhom 15-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda fil-liġi nazzjonali u 30 xahar biex jintroduċu sistemi ġodda għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-armi tan-nar.