Permezz ta’ emendi li qed jipproponi għal-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, il-Gvern irid jassigura infurzar aktar effettiv permezz tal-possibilità li jinħarġu Ordnijiet ta’ Emerġenza f’każ ta’ periklu imminenti għall-ambjent. F’dawn il-każijiet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) tkun tista’ taġixxi mill-ewwel, mingħajr il-perjodu ta’ ħmistax-il gurnata sabiex Ordni tiġi effettiva, kif qed titlob il-liġi llum.
Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, meta fil-Parlament fetħet id-dibattitu fl-istadju tat-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, li huw msejjes fuq emendi mressqin min-naħa tal-Gvern fit-8 ta’ Mejju bil-ħsieb li tiżdied il-protezzjoni ambjentali f’pajjiżna.
Il-Ministru Dalli fakkret li l-ħidma biex jissaħħaħ l-infurzar tmur ferm lil hinn mill-bidliet li qed jiġu proposti f’dan l-Abbozz ta’ Liġi. Fil-fatt, fis-snin li għaddew, l-ERA kompliet issaħħaħ is-sistema tal-monitoraġġ tagħha permezz ta’ sistemi ġodda ta’ rappurtaġġ u ta’ spezzjonijiet.
Is-sena li għaddiet żdiedu l-ispezzjonijiet fuq il-baħar permezz ta’ vettura attrezzata li l-ERA żidiet mal-flotta tagħha. Iż-żieda fil-preżenza tal-uffiċjali tal-infurzar tal-ERA fl-ibħra tagħna wasslet għal regolazzjoni aħjar tal-industrija marittima, għax awtomatikament iż-żieda fil-monitoraġġ wasslet biex l-industrija tirregola ruħha aħjar. B’aktar preżenza fil-baħar, l-ERA setgħet ukoll tinforza sistema ġdida fejn l-għalf ta’ ħut fl-akwakultura jitwaqqaf f’każijiet ta’ rjiħat qawwija.
Barra minn hekk, ġew installati numru ta’ kameras tas-sigurtà f’postijiet strateġiċi li huma meqjusa bħala ta’ riskju għoli. Dawn huma mmonitorjati minn control room ġdida installata fl-uffiċċji tal-ERA.
Il-Ministru Dalli qalet li, biex jissaħħaħ l-infurzar, qed tintalab il-partecipazzjoni tal-pubbliku li, permezz tas-sistema ERIS, jista’ jdaħħal rapporti dwar ksur tal-liġijiet ambjentali f’sistema unika li tiżgura li kull każ jiġi investigat u segwit minn ufficjali tal-ERA.
Żdiedu wkoll servizzi godda onlajn fejn il-pubbliku jista’ jirrapporta b’mod anonimu meta jara skart mormi b’mod irregolari, speċjalment f’siti naturali.
Is-sena li ghaddiet biss, b’dawn is-sistemi, l-ERA rċeviet aktar minn 3,000 rapport biex jiġu investigati każijiet ta’ rimi ta’ skart u irregolaritajiet ambjentali oħra.
Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, l-ERA diġà investigat numru ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet ambjentali u s’issa ngħataw aktar minn €99,000 f’multi b’rabta man-natura, faċilitajiet industrjali, interventi fuq siġar protetti, fish farms, u xogħlijiet li jmissu mal-kosta.
B’kollox diġà nħarġu madwar 99 multa amministrattiva, fosthom dwar littering, ksur tar-regolamenti tas-siġar, interventi f’siti protetti bla permess, u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ permessi jew regolamenti ambjentali oħra.
Inħarġu wkoll diversi twissjiet formali, li l-iskop tagħhom huwa li l-awtoritajiet jedukaw qabel ma jirrikorru għal miżuri oħrajn.
Il-Ministru Dalli qalet li dawn l-emendi li qed jiġu diskussi fil-Parlament ikomplu jagħmluha ċara kif ir-responsabilità ambjentali hija d-dmir ta’ kull wieħed u waħda. Bl-istess mod, juru wkoll kif il-Gvern jemmen bis-sħiħ li huwa id-dmir tal-Gvern kollu li jassigura il-protezzjoni xierqa u sostenibbli tal-ambjent tagħna, b’mod li jkun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-futur.