Klijenti tal-HSBC kif ukoll tal-BOV ser jesperjenzaw xi tibdiliet fiż-żmien li ġej fir-rigward ta’ cards tal-bank.
Il-klijenti tal-bank HSBC mhux ser ikunu jistgħu jagħmlu iktar użu mill-card tal-Quickcash wara l-10 ta’ Jannar tal-2018 hekk kif din ser tinbidel mill-Visa Electron. Għall-kuntlarju tal-Quickcash, il-Visa Electron tista’ tintuża barra minn xtutna kif ukoll tista’ tintuża għal xiri fuq l-Internet.
Min-naħa l-oħra, klijenti tal-BOV mhux ser ikunu jistgħu jiġbdu flus minn ATMs tal-HSBC fost oħrajn, bil-card tat-tip Cashlink. Minkejja dan, il-klijenti fil-pussess tal-cards tat-tip BOV Cashlink Visa u BOV Cashlink Visa Electron jistgħu jiġbdu flus minn ATMs li mhumiex tal-BOV iżda jistgħu japplikaw xi miżati.
Dawn il-bidliet ser jiġu fis-seħħ fid-dawl tad-direttiva PSD II li l-Unjoni Ewropea ħabbret bil-għan li tiffaċilitá pagamenti internazzjonali filwaqt li jseħħu b’effiċjenza u sigurtá.