Malta u l-Indja.
Żewġ pajjiżi ġeografikament imbegħdin minn xulxin iżda b’waqtiet storiċi komuni għal xulxin u li ilhom għal snin twal jikkoperaw flimkien, fosthom dan l-aħħar fuq investiment fil-farmaċewtika.
Matul il-jum, il-Viċi-President tal-Indja Venkaiah Naidu beda żjara uffiċjali ta’ jumejn f’pajjiżna.Il-Viċi-President Indjan beda bi żjara u laqgħa mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Hemm hekk sab ukoll jilqgħuh il-Forzi Armati ta’ Malta li tawh is-salut filwaqt li hu u l-President ta’ Malta spezzjonaw il-gwardja tal-unur.
Wara l-laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja ġew iffirmati tlett memorandum of understandings, bi ftehim minnhom jitkellem kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkoperaw aktar fil-qasam tat-turiżmu.
Filwaqt li f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz, il-Viċi-President Indjan irrimarka kif Malta u l-Indja qed jikbru ekonomikament b’pass imdaqqas u għalhekk jistgħu jaħdmu iżjed id f’id, il-President ta’ Malta rrakomandat il-ħolqien ta’ kummissjoni konġunta bejn uffiċjali Maltin u dawk Indjani biex jiġu esplorati strateġiji li jkompli jkattru n-negozju bejn Malta u l-Indja.
Hija imbagħad semmiet kif il-komunità Indjana f’Malta integrat bla xkiel u kif iż-żewġ pajjiżi ħadmu flimkien fuq l-adozzjoni.
Fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet kien hemm ukoll il-ftehim ta’ negozju ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja.
Fid-dawl li hemm investiment qawwi Indjan f’Londra, il-President ta’ Malta ħadet l-opportunità tappella biex fid-dawl tal-Brexit, dan l-investiment jitfa’ siequ f’Malta:
“Britain’s exit from the European Union should provide an opportunity to further the trade and business links between our countries. Malta is in a perfect position for relocation for Indian companies.”
Intant il-Viċi-President Indjan li jġorr it-tieni l-ogħla kariga Kostituzzjonali fl-Indja ltaqa’ mal-Aġent Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.
Fil-laqgħa li għaliha kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo ġew diskussi għadd ta’ setturi li hemm potenzjal biex iż-żewġ jaħdmu iżjed flimkien.
Fost l-oħrajn issemmew l-oqsma tal-Blockchain, marittimu u tat-tekonoloġija informatika.
Il-Viċi-President Indjan kellu laqgħa wkoll kordjali mal-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Fil-Parlament, il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin iltaqa’ mad-delegazzjoni Indjana u ssemma’ l-ewwel relazzjonijiet bilaterali ġew stabiliti sa minn sena wara li Malta saret Indipendenti.