Mal-għodwa ta’ ġimgħa ġdida, ingħata bidu għaż-żjara statali ta’ jumejn tal-President tal-Botswana f’pajjiżna.
Din hija l-ewwel żjara statali f’Malta ta’ President tal-Botswana – pajjiż fin-nofsinhar tal-Afrika li jmiss mal-Afrika t’Isfel u ż-Żimbabwe, fost l-oħrajn.
Ċerimonja uffiċjali fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta t-Tnejn filgħodu, immarkat il-bidu tal-impenji tal-President Khama f’pajjiżna, meta ntlaqa’ fil-bitħa tal-Palazz mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
Wara li ndaqqu l-innijiet nazzjonali u ż-żewġ mexxejja daħlu fil-Palazz, il-President Coleiro Preca ppreżentat karozzin tal-fidda magħmul bl-idejn, filwaqt li l-President Khama ppreżenta tapit tradizzjonali ta’ pajjiżu.
Il-laqgħa uffiċjali bejn iż-żewġ Presidenti ffukat fuq il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, ir-relazzjonijiet bilaterali u l-immigrazzjoni.