L-aħħar jum ta’ Marzu mmarka kapitlu ġdid għall-istorja tal-avjazzjoni f’pajjiżna, hekk kif bdiet topera l-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida, KM Malta Airlines.
Dan wara li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, proprju għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, fil-mitjar Malti, niżlet l-aħħar titjira tal-Air Malta.
Kmieni l-Ħadd filgħodu mbagħad, saret l-ewwel titjira ta’ KM Malta Airlines lejn Katanja fi Sqallija.
Fl-aħħar stqarrija tagħha, l-Air Malta qalet kif is-Sibt temmet l-operazzjonijiet tagħha wara ħamsin sena ta’ titjiriet.
Iċ-Chairman tal-Air Malta, il-Professur Philip von Brockdorff esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema dedikati li għal nofs deċenju, ikkontribwixxew għas-servizzi pprovduti mil-linja tal-ajru, fosthom dawk li tajru l-ajruplani, il-membri tal-ekwipaġġ, l-inġiniera, il-ħaddiema ta’ maċ-check-in, ħaddiema tekniċi, dawk tal-operazzjonijiet, dawk fil-Head Office, u oħrajn fi rwoli oħra li kienu parti integrali mill-vjaġġ tal-Air Malta.
Tul is-snin, l-Air Malta kienet mutur ewlieni biex għaqqdet lill-gżejjer Maltin mal-kumplament tad-dinja.
Il-linja tal-ajru kellha rwol importanti fit-turiżmu, fl-ivjaġġar tan-negozju, u għat-trawwim tal-iskambju kulturali.
Mill-Ħadd, se tkun il-linja tal-ajru l-ġdida, KM Malta Airlines, li se ġġorr il-bandiera Maltija fis-smewwiet, u se tkompli tibni fuq dak li kisbet l-Air Malta.
Fil-fatt, iċ-Chairman tenna l-impenn tal-linja tal-ajru l-ġdida li tkompli tipprovdi servizz eċċezzjonali, konnettività, u esperjenza ta’ vjaġġar bla xkiel għal min jivjaġġa magħha.