Bħalissa fit-toroq Maltin bdiet topera l-ewwel karozza tal-linja li taħdem kompletament bl-elettriku. Din il-karozza tal-linja li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta qed tinstaq bi prova għal proġett pilota bil-għan li tiġi studjata aktar il-possibilità li fil-futur, il-karozzi tal-linja l-ġodda jkunu jaħdmu bl-elettriku.
Ftit minuti qabel ma’ crew ta’ ONE News rikeb fuq din il-karozza tal-linja, Daniel Grech, id-Direttur Kummreċjali tal-Malta Public Transport spjega li dan il-perjodu huwa kruċjali għal din it-tip ta’ vettura hekk kif iridu jiġu analizzati diversi fatturi fosthom it-topoloġija ta’ Malta.
“Issa qed naraw din il-karozza tal-linja kif iġġib ruħha, iva l-pjan tagħna hu li jekk immorru tajjeb fil-futur naraw ukoll biex karozzi tal-linja oħrajn jibdew jinqelbu wkoll għal sistema elettrika.” Saħaq Grech.
Joseph Magro li bħala xufier iqatta’ sigħat twal iterraq it-toroq Maltin fuq diversi rotot qal li huwa sodisfatt li qed isuq l-ewwel karozza tal-linja f’Malta li ma tniġġisx.
“L-ewwel nies inħossni kburi ħafna li qed insuq ma kumpanija tat-trasport pubbliku karozza li ma tħammeġ xejn, emissions zero. Differenza kbira għax ħsejjes xejn u jikkwartja ħafna. In-nies qed iħossuhom aktar komdi f’dan it-tip ta’ trakk.” Stqarr ix-xufier.
Grech sostna wkoll li minkejja li ma jaħdmux bl-elettriku, bħalissa l-kumpanija għandha fost l-aktar flotta nadifa u moderna ta’ karozzi tal-linja fl-Unjoni Ewropea.
Spjega li l-investiment kbir li għamlet il-kumpanija tul dawn l-aħħar snin wassal sabiex il-maġġoranza tal-vetturi tagħhom għandhom magni tat-tip EURO 6, jiġifieri l-aktar magna Diesel nadifa li teżisti bħalissa fis-suq.