B’investiment ta’ aktar minn €700,000 ġiet inawgurata l-għassa tal-Pulizija l-ġdida f’Wied il-Għajn, li nbniet apposta skont il-ħtiġijiet tal-uffiċjali u tal-komunità.
Fi żjara fl-istess għassa, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà nnotaw li dan il-proġett hu parti minn sensiela ta’ xogħlijiet ta’ rinnovar fl-għases madwar Malta u Għawdex, li jikkumplimentaw ukoll il-ħidma kontinwa tal-Pulizija tal-Komunità li issa għandhom ukoll uffiċċju f’din l-għassa.
Is-Sindku ta’ Marsaskala, Mario Calleja, filwaqt li rringrazzja lill-Gvern talli żamm kelmtu u wettaq dan l-investiment, innota l-bżonn kbir li kien hemm biex din il-lokalità jkollha għassa ta’ dan it-tip.
Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-Korp hu kommess li jkompli jtejjeb il-binjiet minn fejn jopera biex jiġi żgurat li jkollna pajjiż sigur fi sħubija mal-komunità.
Il-Ministru Camilleri qal li dan l-investiment hu ħolqa fil-katina ta’ proġetti għat-tisħiħ fis-sigurtà fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Hu spjega li l-Gvern se jibqa’ jinvesti kemm fil-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati, fl-għodda li huma jużaw, u kif ukoll fiż-żamma tal-ordni.