Bdiet topera l-ewwel assoċjazzjoni, li se tikkultiva u tbigħ il-kannabis lill-membri tagħha b’mod responsabbli, kif tippermetti l-liġi.
F’kitba fuq il-midja soċjali, l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, qalet li din l-assoċjazzjoni ngħatat il-liċenzja f’Ottubru li għadda, wara li sar proċess ta’ skrutinju rigoruż, li trid tgħaddi minnu kull assoċjazzjoni biex tiġi liċenzjata u rreġistrata mal-istess awtorità.
Sar ukoll it-testjar fuq il-laboratorju ta’ din l-assoċjazzjoni mill-ARUC biex jiġi żgurat li l-kannabis, li qed tiġi ikkultivata u mqassma lill-membri tagħha, tkun ħielsa minn kontaminanti mhux mixtieqa.
L-ARUC kompliet tgħid li fjuri tal-kannabis ikkultivati u mqassmin minn din l-assoċjazzjoni huma ċċertifikati b’tikketta unika tal-ARUC.
L-Awtorità tenniet li hi kuntenta li, sena wara l-konvenzjoni li stabbilixxiet l-istandards għall-assoċjazzjonijiet biex joperaw bla profitt, illum qed tara l-ewwel assoċjazzjoni topera b’regolamentazzjoni bbażata fuq is-saħħa pubblika.