Bil-għan li tkompli tiżdied it-trasparenza fl-infiq pubbliku kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Gvern, bdew jiġu ppubblikati online ir-rapporti finanzjarji tal-kunsilli lokali kollha li se jkunu aġġornati kull tliet xhur. Il-pubbliku se jkun jista’ jara l-investiment li jkun sar fil-lokalità tiegħu billi jidħol fuq is-sit elettroniku: http://www.localgovernment.gov.mt taħt is-sezzjoni ‘Local Councils’ bit-titlu tal-paġna ‘Local Councils Financial Statistics’ jew permezz tal-link: https://localgovernment.gov.mt/en/DLG/Department%20for%20Local%20Government/Pages/LC-Financial-Statistics.aspx
Fis-sit elettroniku hemm sezzjoni li tiġbor ħarsa ġenerali lejn id-dħul u l-infiq tas-sistema finanzjarja tal-kunsilli lokali kollha u sezzjoni oħra bid-dħul u bl-infiq ta’ kull lokalità.
F’kumment li ta, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis saħaq dwar l-importanza li t-trasparenza fl-operat tal-kunsilli lokali tkompli tiżdied biex tissaħħaħ il-governanza tajba fuq livell lokali u fl-istess waqt ikunu aktar qrib iċ-ċittadin.