Waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista, il-Ġimgħa filgħaxija, għaddew l-emendi mressqa mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Partit Laburista.
Waħda mill-emendi hi dik li l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tista’ tiġi kkontestata minn Membri Parlamentari.
Dawn l-emendi mressqa li jwassal aktar tiġdid fil-Partit Laburista, biex jibqa’ l-akbar forza politika f’pajjiżna.
Għal din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja kien hemm preżenti l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, flimkien mal-amministrazzjoni u d-delegati tal-Partit.
Wara din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista rreaġixxa dwar dan f’kummenti mal-midja, fejn semma l-importanza tat-tiġdid fil-Partit ifissru aktar bidliet fil-pajjiż.
“Biex partit politiku jibqa’ relevanti irid ikun katalista ukoll ta’ bidliet fih innifsu u nemmen ukoll li nibgħatu dan il-messaġġ b’saħħtu illi filwaqt li nibagħtu messaġġ ta’ ringrazzjament għal kull min ħadem fid-diversi karigi fil-Partit Laburista, u anke fil-Gvern, il-proċess ta’ tiġdid l-akbar żball li tista’ tagħmel huwa li tirreżistih. Għaliex meta inti tirreżisti il-bidla, nemmen li tkun qed tibgħat messaġġ żbaljat illi ma tridx tibqa’ iġġib ir-riformi fil-pajjiż.”
Qabel ingħata bidu għall-konferenza, stqarrija tal-Partit Laburista ħabbret li l-embru Parlamentari Rosianne Cutajar se tkun qed terġa’ tieħu postha fil-grupp Parlamentari Laburista.
Iżjed kmieni llum ukoll, il-Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li Leonid McKay se jkun il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Laburista, minflok Randolph DeBattista, li l-Ħamis ħabbar li se jirriżenja minn dan ir-rwol.
Sadanittant, qabel din il-konferenza, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, hekk kif kien dieħel għall-konferenza fejn tkellem dwar l-emendi u d-deċiżjonijet li se jkunu qed jittieħdu f’din l-istess konferenza.
Hu indika l-interess tiegħu fil-pożizzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, kemm-il darba tiġi approvata l-emenda, waqt li enfasizza li, għalih, l-interess ewlieni jibqa’ li l-Partit Laburista jissaħħaħ u jerġa’ jikseb maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Ikkummenta wkoll Jason Micallef, li se jkun approvat bħala Delegat Speċjali tal-Amministrazzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali f’din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja. Hu qal li jinsab onorat b’din il-pożizzjoni importanti li l-amministrazzjoni tal-Partit qed tafdalu.
Din il-Konferenza Ġenerali Straordinarja qed issir bi tħejjija għall-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li hi skedata bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru li ġej, fejn matulha se jinħatru l-karigi tal-amministrazzjoni Laburista, bin-nominazzjonijiet għalihom jinfetħu bejn it-23 u l-25 ta’ dan ix-xahar.