Il-qtates domestiċi issa jistgħu jiġu mikroċippjati u rreġistrati f’sistema apposta biex b’hekk, jekk jintilef qattus, dan jista’ jiġi traċċat aktar faċilment permezz ta’ din il-mikroċippa.
Din is-sistema hija waħda identika għal dik li titħaddem fil-każ ta’ kelb domestiku.
Dan intqal waqt il-programm Newspoint, produzzjoni ta’ ONE News li tixxandar fuq ONE kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għas-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimali, Marica Gatt, spjegat li din is-sistema mhijiex obbligatorja bħal fil-każ ta’ klieb domestiċi, iżda xorta waħda ħeġġet lis-sidien sabiex jirreġistraw il-qtates tagħhom.
Gatt qalet, “Għamilna s-sistema; inħajru s-sidien tal-annimali domestiċi, tal-qtates domestiċi – għax hija xi ħaġa ġdida – li jitolbu l-vet tagħhom. Il-veterinarji privati kollha għandhom aċċess għal din is-sistema biex meta jimmikroċippjaw il-qattus tagħhom u jiġi reġistrat f’din is-sistema ħalli, jekk jintilef, aħna nkunu nistgħu nittrejsjawh.”
Permezz ta’ din is-sistema, se tkun qed tiġi implimentata miżura oħra mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Intant, Gatt tkellmet ukoll dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-konsultazzjoni pubblika li nfetħet bil-għan li tinħoloq strateġija nazzjonali għall-ħarsien tal-annimali.
Stqarret, “Kellna ħafna kontribuzzjoni minn dawn l-NGOs u animal lovers, imma anki minn raħħala, minn teachers, għalliema, jiġifieri kellna kontribuzzjonijiet mhux ħażin, speċjalment kontribuzzjoni waqt il-laqgħat li saru fl-Agrifair.”
Din il-konsultazzjoni pubblika ngħalqet aktar kmieni dan ix-xahar.