Il-ħajt tad-daħla taċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija beda jitwaqqa’ biex isiru xogħlijiet ta’ tiswija fuqu, wara li dan ġarrab xi ħsarat meta sewwieq ta’ karozza tilef il-kontroll u baqa’ dieħel fil-ħajt, ix-xahar li għadda.
Iċ-ċimiterju f’Ħal Lija nbena fl-1813, biex fih jindifnu persuni li mietu bil-pesta, li dak iż-żmien kienet ħakmet il-Gżejjer Maltin. Joseph Mangion, li jieħu ħsieb iċ-ċimiterju, spjegalna li din hija l-ewwel darba li se jsiru xogħlijiet fuq il-ħajt mindu dan beda jinbena.
Huwa qalilna: “L-użu tiegħu kien biex jindifnu dawk li mietu bil-pesta fih, però m’hawn ħadd li miet bil-pesta midfun fih. Meta eventwalment bdew jindifnu xi nies il-knejjes, dan iċ-ċimiterju beda jintuża biex jindifnu n-nies tar-raħal fih.”
Mangion spjegalna wkoll li x-xogħlijiet li se jsiru fuq il-ħajt se jirrispettaw kull dimensjoni oriġinali tiegħu, biex il-karatteristiċi oriġinali attribwiti ma’ din l-istruttura ma jintilfux.
Propju fl-għodwa li beda dan il-proċess, Mangion spjegalna wkoll li issa l-ħsieb hu li l-Kunsill Lokali jidħol f’diskussjonijiet ma’ Transport Malta biex isiru xi lqugħ u anke bankina mal-entratura, biex il-ħajt tad-daħla jkun protett.
Is-Sur Mangion kompla jispjega: “Il-bennej għandu biċċa xogħol kbira, għaliex irid jimmarka kollox ġebla ġebla u kollox jerġa’ jsir kif kien. Irid isir kollox kif kien, iżda ovvjament trid tintuża ġebla ġdida.”
Il-Ministru Edward Zammit Lewis kif ukoll is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli kienu preżenti għat-twaqqigħ tal-ħajt.