L-Erbgħa beda jinstema’ fil-Qorti l-mandat ta’ inibizzjoni miftuħ mill-Partit Nazzjonalista kontra l-ħaddiema tal-PBS u l-Awtorità tax-Xandir b’rabta ma’ spots li jinformaw dwar il-miżuri tal-Baġit 2025.
Dan minkejja li l-istess spots informattivi diġà xxandru mill-Partit Nazzjonalista nnifsu fuq il-midja tiegħu, iżda ma jridx li joħorġu fuq ix-xandir nazzjonali, avolja xxandru kull sena biex in-nies jifhmu aktar kif se jibbenefikaw mill-miżuri mħabbrin fl-aktar proċess Parlamentari importanti għall-Gvern matul is-sena.
F’din il-kawża, il-Kap Bernard Grech qabbad lill-Avukat ta’ żmien GonziPN, Pawlu Borg Olivier, biex fil-Qorti jattakka lix-xandir nazzjonali, li argumenta li dan il-mandat għandu jittieħed f’kuntest ta’ azzjonijiet passati u li l-kontenut ta’ dawn l-ispots kien joħloq żbilanċ.
Fit-tweġiba tagħhom, iżda, l-avukati f’isem il-PBS qalu li l-ispots kienu minnhom infushom ta’ natura informattiva u li, bl-ebda mod, ma kienu jiksru l-obbligi Kostituzzjonali tal-PBS jew huma kontroversjali politkament.
Għaldaqstant argumentaw li l-mandat imressaq mill-PN hu wieħed bla bażi legali u hu biss mossa strateġika biex jitwaqqfu l-ispots tal-baġit, anke jekk il-Partit Nazzjonalista seta’ talab rimedju lill-Awtorità tax-Xandir.
Il-kawża, li qed titlob li ħaddiema tal-PBS jiġu kkundannati l-ħabs minħabba disprezz lejn il-Qorti, ġiet differita għall-provi tal-istess Partit Nazzjonalista.