Fl-ewwel sagħtejn li bdiet tingħata t-tilqima bla ħlas tal-influwenza fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, tlaqqmu aktar minn 250 persuna.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta t-Tnejn, l-anzjani, it-tfal u nies b’mard kroniku – meqjusa bħala l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna, bdew jingħataw din it-tilqima b’xejn fiċ-Ċentri tas-Saħħa kollha f’Malta u Għawdex.
Fil-fatt dawk li jbatu mill-pressjoni, zokkor u problemi tal-qalb għandhom jieħdu l-vaċċin għax jekk taqbadhom l-influwenza, il-konsegwenzi jkunu ferm agħar u jispiċċaw jidħlu l-isptar.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li wara li s-sena li għaddiet kien hemm rekord ta’ tlieta u disgħin elf persuna li tlaqqmu biex evitaw l-influwenza, din is-sena l-Gvern xtara mitt elf tilqima bi spiża ta’ aktar minn kwart ta’ miljun ewro.
Appella biex kulħadd jieħu t-tilqima, li mill-bidu tax-xahar id-dieħel se tingħata lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, għandhom kemm għandhom żmien:
“L-influwenza kull sena madwar id-dinja tħalli każijiet serji ħafna, aħna wkoll f’pajjiżna jkollna min ibati bl-influwenza. Filfatt, f’Jannar tas-sena l-oħra kellna ’l fuq minn 450 ruħ li kellhom bżonn l-isptar minħabba din il-kundizzjoni, għalhekk aħna qegħdin nimmiraw li nagħtu numru kbir ta’ tilqim u nħeġġu lil kull min qed jarana biex jieħu t-tilqima biex jipproteġi lilu nnifsu u lill-familja tiegħu.”
It-tilqim kontra l-influwenza qed jingħata miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-08:00 u s-13:00, u mill-Kunsilli Lokali.
Barra minn hekk, iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, ta’ Raħal Ġdid u tal-Furjana qed ikunu miftuħin ukoll bejn is-14:30 u s19:30 mit-Tnejn sas-Sibt.