Waslu lejn tmiemhom ix-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid li nbena fir-Rabat, Għawdex.
Fil-fatt, matul dawn l-aħħar jiem bdiet timtela l-ewwel pixxina Olimpika fil-qalba tal-gżira, li se toffri opportunitajiet kbar lill-atleti lokali, imma wkoll isservi ta’ attrazzjoni għal dawk barranin.
Dan il-proġett massiċċ għall-qasam sportiv f’Għawdex hu wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali li qatt seħħew. Mifrux fuq aktar minn 5,000 metru kwadru ta’ art, iċ-ċentru sportiv se jkun mgħammar ukoll b’faċilitajiet sportivi oħrajn, ilkoll tal-aqwa livell.
Minbarra l-pixxina, se jkun hemm ukoll faċiltajiet tal-basketball u l-ġinnastika, fost l-oħrajn.
Fuq il-midja soċjali, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, spjega li, għalkemm tul is-snin saru diversi wegħdi minn amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti, dawn kollha spiċċaw sfumaw fix-xejn.
Quddiem id-dubji u l-kritika li diversi persuni pprovaw iqajmu fuq dan il-proġett, il-Ministru Camilleri qal li Gvern Laburista ta kelma u żammha.
Hawn qal, jekk wieħed jippretendi l-aqwa u l-aħjar riżultati, irrid ikollna faċiltajiet tal-aqwa livell, waqt li se jħares ‘l quddiem għall-ftuħ tal-faċilità fiż-żmien li ġej.