Fil-Parlament bdiet tiġi diskussa r-riforma fil-liġi tal-kannabis hekk kif beda t-tieni qari dwar l-abbozz ta’ liġi li ppreżenta l-Gvern.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici stqarr kif dan l-abbozz ser ikun qed ikompli fuq l-ewwel sforzi li diġà saru lejn id-dekriminalizazzjoni tal-użu tal-kannabis.
Stqarr kif permezz ta’ din ir-riforma ser ikun qed jonqos is-suq illegali ta’ min ibigħ id-droga.
Qal, “Aħna ser nieħdu l-flus minn ħalq u mill-bwiet tal-kriminali tat-traffikanti u minflok ser noffru ambjent sigur, ikkontrollat bħala miżura b’saħħitha ta’ ‘harm reduction’ waqt li nieħdu ħsieb lit-tfal u lil uliedna, għax lil uliedna kif nieħdu ħsiebhom jekk il-kriminali jiddeċiedu r-regoli jew jekk aħna noħolqu l-kontrolli jew is-serjetà.”
Stqarr kif lil hinn minn kull retorika politika, ikun skorrett min jgħid li din ir-riforma ser twassal għal legaliżazzjoni tal-kannabis hekk kif f’pajjiżna għad m’għandniex dekriminalizazzjoni kompleta għal dawk li jagħmlu użu mill-kannabis.
Huwa spjega wkoll kif il-liġi tipprovdi kontrolli fuq bosta dettalji marbuta mal-użu tal-kannabis f’pajjiżna, fost l-oħrajn l-ippakkeġjar u t-trasport iżda b’mod speċjali wkoll il-kwalità tal-kannabis li tkun qed tinbiegħ.
Fil-bidu ta’ din id-diskussjoni huwa appella biex id-diskussjoni tinżamm waħda matura u wieħed ma jirrikorrix għall-politika ta’ biża’.
Spjega, “Din ir-riforma li qed nagħmlu aħna hija riforma qawwija, b’saħħitha, kuraġġuża, ta’ ‘harm reduction’, fejn qed nagħtu l-ikbar daqqa lit-traffikanti tad-droga, qed nagħtu d-dinjità lill-persuni li jagħmlu użu responsabbli mill-kannabis u qed inħarsu lit-tfal, lin-nies vulnerabbli fis-soċjetà b’regoli li jipproteġuhom u li nassiguraw li f’dan il-pajjiż ħadd iktar ma jkollu d-dinjità tiegħu kkalpestatha.”