Il-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak esperjenza daqqa politika oħra fi tliet by-election f’reġjuni differenti u li għalihom riedu jivvutaw in-nies residenti f’dawn il-kostitwenzi.
Dan sar wara r-riżenja ta’ tliet Membri Parlamentari Ingliżi mill-House of Commons.
Kien il-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Sir Keir Starmer li rebaħ ir-reġjuni ta’ Selby u Ainsty, b’maġġoranza ta’ aktar minn għoxrin elf vot.
Tradizzjonalment dawn iż-żewġ reġjuni jintrebħu mill-konservattivi.
Siġġu ieħor intrebaħ mill-Liberali Demokratiċi, filwaqt li l-konservattivi żammew bi żbrixx it-tielet siġġu f’Uxbridge, il-kostitwenza li fuqha kien joħroġ l-eks Prim Ministru konservattiv Boris Johnson.
F’dawn l-elezzjonijiet ġie elett l-iżgħar Membru Parlamentari li qatt ra l-House of Commons fl-età ta’ 25 sena.
Analisti qed jgħidu kif dan se jpoġġi t-tmexxija ta’ Sunak taħt pressjoni kbira, hekk kif bdew l-ewwel indikazzjonijiet li l-partit tiegħu riesaq lejn telfa elettorali fl-elezzjonijiet ġenerali tas-sena d-dieħla.