B’investiment ta’ aktar minn disa’ miljun ewro, beda x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett fil-kumpless Rużar Briffa fir-residenza San Vinċenz de Paul.
F’erbgħa u għoxrin xahar, binja antika li tmur lura mija u ħamsa u għoxrin sena meta kienet tintuża bħala sptar, mistennija tingħata l-ħajja mill-ġdid u tinbidel f’kumpless li jilqa’ fih aktar minn mija u erbgħin anzjan u anzjana li jkunu jeħtieġu kura fit-tul.
Filfatt, b’użu aħjar tal-ispazju, is-sodod fit-tieni fażi tal-proġett mistennija jiżdiedu minn sittin għal mija u wieħed u erbgħin.
Biex meta jingħaddu mal-mija u erba’ sodod fl-ewwel fażi, l-ammont totali ta’ sodod fil-kumpless se jkun dak ta’ mitejn u ħamsa u erbgħin.
Il-Perit tal-proġett Sergio Degabriele spjega li b’mod li jiġi mħares il-wirt storiku, se jsir xogħol ta’ restawr li jiżgura l-aċċessibbilità għall-anzjani.
Se jkun hemm ukoll bosta spazji miftuħa li jħeġġu lill-anzjani jintegraw minflok iqattgħu l-jum waħedhom fis-sodda.
Qal li “Ix-xogħlijiet li hawn ppjanati għat-tieni fażi huma restawr tal-faċċati, civil works fejn jidħlu alterations qed inbaxxu l-livelli biex il-livelli kollha jiġu aċċessibbli, ensuite bathrooms f’kull kamra biex il-pazjenti jkollhom id-dinjita li jixirqilhom.”
Bil-ħoss tal-iżmantellar fl-isfond, il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza Josianne Cutajar, spjegat fiex se jissarraf l-investiment ġaladarba jitlesta x-xogħol sentejn oħra.
Qalet li “Bħala bini u units qed nippjanaw li jkollna units iktar speċjalizzati fosthom units għar-respite għax nafu l-bżonn kbir li hemm għal dawk il-familjari li jkunu qed jieħdu ħsieb anzjani d-dar, iġibuhom hawn għal ftit żmien qasir biex huma jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ tagħhom. Ħa jkollna l-admission ward biex qabel tmur swali oħra tiġi hawn u jsirulek ċerti testijiet u tkun tista’ tmur ġos-swali miftuħin, u ħa jkollna wkoll sala oħra tad-dementia għax għandna skop li nżidu n-numru ta’ sodod fid-dementia.”
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis innota li huwa b’dan il-mod, li b’ekonomija b’saħħitha fl-isfond, il-ġid qed jitqassam għand kulħadd.
Spjega kif “Aħna qed nagħmlu l-ikbar investiment li qatt rat din il-faċilità ta’ disa’ miljuni, investiment qawwi li tul dawn l-aħħar tletin sena qatt ma sar. Nixtiequ li l-anzjani li jiġu hawn għas-servizzi li noffru jkunu qed igawdu b’dinjità ħajjithom kemm idumu jgħixu hawnhekk.”