L-Infrastructure Malta bdiet bit-tieni fażi ta’ proġett biex tibni mill-ġdid il-breakwater l-antik u l-mollijiet li hemm biswitu fil-parti ta’ ġewwa tal-Bajja ta’ Wied il-Għajn.
Dan tħabbar waqt żjara fil-post mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia.
Huwa spjega li dan il-proġettm ta’ €1.9 miljun, beda s-sena l-oħra bil-bini mill-ġdid ta’ 140 metru ta’ mollijiet tul Triq San Ġorġ, qrib il-Knisja Parrokkjali, max-xatt fit-tramuntana tal-bajja.
Dan ix-xogħol kellu jsir minħabba li l-pedamenti tagħhom kienu tmermru bil-ħbit tal-mewġ għal għexieren ta’ snin u anke b’riżultat li l-uċuħ tal-konkos kienu xxaqqu u tħaffru.
Fl-aħħar snin, partijiet minnhom ċedew u waqgħu fil-baħar. L-Infrastructure Malta reġgħet bniet dawn il-mollijiet b’disinn ġdid u aktar sigur, b’ħajt għall-ilqugħ tal-mewġ biex jipproteġi lil dawk li jgħaddu bil-mixi u l-binjiet tal-madwar mill-qilla tal-baħar.
One News tkellem mal-Perit Janice Borg, li hija l-Kap tat-Taqsima Marittima fi ħdan Infrastracture Malta. Hi spjegat f’aktar dettall ix-xogħol li se jkun qed isir f’din il-fażi.
Qalet, “Issa bdejna l-fażi li bdejna nkissru ħalli mbagħad inkunu nistgħu nibdew nibnu bil-pedamenti minn taħt l-ilma u nibqgħu telgħin ’il fuq. Għażilna dan il-perjodu tas-sena biex nibdew it-tkissir bil-ħsieb li ħdejn dan il-breakwater hemm numru konsiderevoli ta’ dgħajjes u hekk għażilna l-inqas perjodu li jista’ jkun ta’ problema għad-dgħajjes li jġarrbu ħsara minħabba li nkunu neħħejnielhom il-protezzjoni.”
Hija semmiet ukoll in-numru ta’ proġetti li saru fl-aħħar snin f’Maraskala b’investiment ta’ €6.3 miljun.
Qalet, “Għamilna l-mollijiet prattikament kollha ta’ San Tumas, jiġifieri San Tumas hemm kollox ġdid issa. Hemm tliet jetties u mollijiet li jgħaqqduhom, imbagħad hawnhekk f’Marsaskala bdejna min-naħa ta’ fejn hemm il-klabb tal-waterpolo u mbagħad bdejna deħlin ’il-ġewwa, jiġifieri saru numru ta’ mollijiet żgħar u mbagħad sar il-moll il-kbir li jmiss ma’ dan il-breakwater.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan l-investiment għar-ristrutturar ta’ dan il-breakwater se jgawdu minnu kemm dawk li għandhom id-dgħajjes kif ukoll l-għawwiema u dawk kollha li jiffrekwentaw iż-żona bil-mixi.
Qal, “Se jgawdu minnu mhux biss in-nies li jimxu dwan in-naħat imma li jgħumu wkoll. Ovvjament, id-dgħajjes u l-bastimenti li jorbtu hawnhekk u, allura, li se jgawdu mix-xogħlijiet il-ġodda fuq il-breakwater u l-mollijiet infushom. Jekk it-temp jippermetti naraw li, flimkien ma’ Infrastructure Malta, inlestu x-xogħlijiet fi tmiem din is-sena.”