It-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali dwar il-ħiliet f’pajjiżna bdiet tittella’ l-Erbgħa filgħodu fil-bini tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun.
Waqt li din se tkun mifruxa fuq tlett ijiem, fi kliem iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, Jeffrey Pullicino Orlando, din se sservi bħala opportunità tad-deheb għaż-żgħażagħ f’Malta biex ikun mgħarrfin iżjed fuq dak li jixtiequ huma fil-karrieri tagħhom kif ukoll dak li qed jiġi offrut lilhom fid-dinja tax-xogħol.
Semma kif f’din it-tieni edizzjoni tal-konferenza qed tiddomina l-kreattività, waqt li, matul is-sena li ġejja, se tkun tiġi ppubblikata l-ewwel strateġija nazzjonali tal-ħiliet f’dinja li, kull ma jmur, qed issir aktar diġitali.
Tlabnih jispjegalna fuqiex x’se tkun qed tiffoka l-konferenza din is-sena.
“Ħa jkun hawn aktar focus fuq temi partikolari. It-tema tal-lum hi ż-żgħażagħ u d-dinja tax-xogħol. Għada ħa jkun hemm tema ta’ teknoloġija u l-impatt tagħha fuq id-dinja tax-xogħol fejn nafu li hemm impatt enormi, partikolarment l-AI, għall-futur fid-dinja tax-xogħol. Il-Ġimgħa ħa nkunu qed niffokaw aktar fuq il-kreattività li hi importanti għal kwalunkwe attività.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, Jeffrey Pullicino Orlando
Tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, li saħaq dwar l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ, b’mod attiv f’dawn ix-xorta ta’ konferenzi fejn jistgħu jesprimu rwieħhom billi jiddjalogaw u jikkollaboraw.
Tenna kemm hu importanti li l-istudenti u ż-żgħażagħ ikunu dejjem fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li ttitieħed biex b’hekk ikunu fformati ċittadini b’mod ħolistiku.
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni Clifton Grima qal li, biex is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna tkun kompluta, trid tkun waħda li toffri liż-żgħażagħ tagħna għadd ta’ toroq li jwassluhom ħalli jiksbu l-ħiliet neċessarji għall-ħajja tagħhom. Qal li rridu nkunu dinamiċi biżżejjed.
Tkellem dwar inizjattiva, li se titnieda f’Diċembru li ġej, fejn se jinħoloq network li jkun qed jesponi l-opportunitajiet li hawn fid-dinja tax-xogħol għaż-żgħażagħ u jkollhom aktar għarfien dwar dan. B’hekk ikun assigurat li dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ u jiksbu s-suċċessi fil-karrieri tax-xogħol.
Hu semma li dan jorbot mal-importanza tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni, li hi bbażata biex l-individwu jkun dejjem fiċ-ċentru.
“Il-viżjoni tagħna hi li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu, allura hu importanti ħafna li, anke bħala sistema edukattiva, naraw li ż-żgħażagħ tagħna jieħdu dawk il-ħiliet li huma neċessarji biex huma jkunu suċċess fil-karriera li jagħżlu. F’din il-konferenza wkoll ħabbart li, f’Diċembru li ġej, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet se jkun qed jagħmel network fejn juri liż-żgħażagħ opportunitajiet varji ta’ karrieri varji, li diġa jinsabu f’pajjiżna u dan se jkun kruċjali biex ngħinu lil dawn iż-żgħażagħ jagħżlu toroq li jkunu ta’ suċċess għalihom fil-ħajja tagħhom.”
Il-Ministru Clifton Grima