It-tieni edizzjoni tal-festival internazzjonali tal-inbid fetħet fil-Ġnien tal-Argotti fil-Furjana u tibqa’ sejra sas-sitta u għoxrin ta’ Ġunju.
Se jkunu preżenti għaxar kumpaniji li jipproduċu l-inbid lokalment u anke internazzjonalment, u kull min jattendi se jkollu ċans jesperjenza l-inbid kif qatt ma esperjenzawh qabel.
Wieħed mill-organizzaturi tal-Festival, Jonathan Pace, qal li se jkun hemm esperti Maltin u anki li ġejjin minn barra tul l-attiviità kollha kemm hii.
“Il-kumpaniji stess se jkunu qed iġibu sommeliers, kemm lokali kif ukoll min barra, li se jkunu qed jassistu n-nies, kemm jekk huma nies kurżitajri u jixtiequ jsiru jafu aktar fuq l-inbid, kif ukoll għall-esperti li jixtiequ jkomplu jtejbu dak li jafu diġà fuq l-inbid u l-kultura li tabraċċa kollox magħha.”
Huwa spjega wkoll li l-ITS se tkun qed toffri servizz simili waqt dan il-Festival – wieħed jista’ japplika b’mod diġitali biex jieħu sehem f’lezzjoni dwar l-inbid fil-festival stess.
Apparti mil-lezzjonijiet dwar il-kultura tal-inbid u l-mużika li se tindaqq b’mod dirett, dan il-festival se jkun qed isir għal għan nobbli.
“L-entratura hija kompletament b’xejn. Hemm proċedura ta’ kif wieħed ikollu tazzi memorabbli li jista’ jżomm miegħu u se tkun qed tingħata donazzjoni lill-Puttinu Cares, li minn hawn nixtieq nirringrazzjahom għal din il-kollaborazzjoni.”