B’investiment ta’ nofs miljun ewro, il-Gvern flimkien mal-Kummisjoni Maltija tal-Films se jibdew l-ewwel fażi fir-riġenerazzjoni tal-faċilitajiet li għandhom fir-Rinella li jmorru lura għall-1964. F’din il-fażi mistennija jgħaddu servizzi ta’ dawl u ilma ġodda flimkien ma’ sistema kompletament ġdida ta’ telekomunikazzjoni. Apparti t-tisħiħ tas-servizzi, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li se jsiru numru ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ tas-sit.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif il-faċilitajiet għandhom bżonn numru upgrades fl-infrastruttura u b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro kemm minn Infrastructure Malta u kemm mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet pubbliċi se nkunu qegħdin itejbu d-dehra u l-infrastruttura tal-post. Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega kif dan is-settur qed jiġbed lejn Malta diversi produzzjonijiet minn Hollywood u Bollywood. Huwa għalhekk li l-Gvern ħass li għandu jtejjeb lil dan is-sit.
Il-Kummisarju tal-Films Johann Greh laqa’ dan l-investiment u spjega kif ir-riżorsi li għandhom l-istudios Maltin, fosthom żewġ tankijiet kbar tal-ilma li jintużaw biex jirreplikaw xeni tal-baħar, huma fost l-uniċi fid-dinja. Fil-fatt fihom inġibdu xeni għall-produzzjonijiet ċinematiċi bħal Captain Philips, kontiki, Moby Dick, Raise the Titanic u Simshar. Johann Grech, il-Kummissarju tal-Films spjega kif il-Malta film studios huma magħrufin għaż-żewġ tankijiet kbar li għandhom fir-Rinella. Dawn huma uniċi fl-Ewropa u t-tieni l-akbar fid-dinja.
Dan il-proġett mistenni jkompli sakemm issir ir-riġenerazzjoni totali tal-istudios u l-infrastruttura kollha li hemm fir-Rinella bil-għan li jinġibdu lejn Malta aktar produzzjonijiet tal-films.