Tul il-jum tal-Erbgħa kienet għaddejja l-votazzjoni bikrija għall-elezzjoni tal-mexxej tal-Partit Laburista.
Il-votazzjoni bikrija fetħet fid-9 ta’ filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u fiċ-Ċentru Laburista f’ta’ Sannat Għawdex.
Kienu ftit inqas minn 200 membru tal-Kungress tal-Partit Laburista li rreġistraw biex jivvutaw fil-jum tal-Erbgħa għaliex ma jistgħux jagħmlu dan nhar is-Sibt meta hemm il-votazzjoni ewlenija għall-elezzjoni tal-mexxej tal-Partit Laburista.
F’din il-votazzjoni qed jivvotaw ukoll persuni li huma impenjati fil-proċess elettorali ta’ nhar is-Sibt li ġej.
B’kollox hemm 17,500 membru eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista.
Intant fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista mistennija uffiċjalment tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni għall-mexxej.
Imbagħad fl-4:00 ta’ waranofsinhar, in-nies huma mistiedna biex imorru fil-Padiljun Sportiv ta’ Raħal Ġdid u jisimgħu l-messaġġ tal-mexxej elett il-ġdid tal-Partit Laburista.