Mill-ewwel ta’ Lulju, għal terminu ta’ sitt xhur, il-Ġermanja ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Bl-għajta sabiex l-Ewropa terġa’ tqum fuq saqajjha wara d-daqqa li ħadet fil-pandemija tal-COVID-19, is-sebgħa u għoxrin Stat Membru mistennija jiddiskutu diversi prijoritajiet.
Ma’ dan l-istazzjon is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-ewwel prijorità hija l-irkupru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u l-membri tagħha.
Huwa spjega: “L-ewwel prijorità wieħed jifhem illi hija l-konklużjoni tal-budget għas-seba’ snin li ġejjin (il-MFF), kif ukoll il-pjan ta’ rkupru li qed tipproponi l-Kummissjoni li l-pajjiżi jridu jaqblu, u l-presidenza Ġermaniża għandha rwol importanti biex jasal dan il-ftehim.”
Is-Segretarju Parlamentari qal li Malta se tiżgura li minn dan il-pjan ekonomiku Ewropew, tikkonkludi pakkett finanzjarju li jikkumplimenta il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Gvern Malti.
L-Onor. Zrinzo Azzopardi sostna: “Naraw li jkun hemm pakkett finanzjarju li jkun jixraq għal pajjiżna u jkun mezz kif inkomplu nsostnu ħalli pajjiżna u l-ekonomija tagħha jkompli mexjin ‘l quddiem nasssiguraw li f’pajjiżna jkompli jinħoloq ix-xogħol u jikkumplimenta l-pjan ta’ riġenerazzjoni li diġà wettaq pajjiżna.”
Fid-dawl li l-baġit Ewropew għas-snin elfejn wieħed u għoxrin sal-elfejn sebgħa u għoxrin ilu jiġi diskuss b’nuqqas ta’ qbil minn diversi Membri stati, Zrinzo Azzopardi qal li wasal iż-żmien li jintlaħaq ftehim u jiġi konkluż.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi kompla jispjega: “Dan il-ftehim jorbot ukoll mal-krebilità u tisħiħ tal-UE. Ma jidhirx li għad hemm lok ta’ aktar postponiment. Il-pajjiżi kollha jeħtieġ li jkollhom pjan ta’ rkupru in place u importanti li jkun ftehim ġust u ekwu u naraw li s-suq Ewropej jibqa’ miexi ‘l quddiem u fl-aħħar ikun ta’ ġid għal pajjiżna u ninvestu fil-futur.”
Marbutin ma’ dawn il-prijoritajiet għall-Presidenza Ġermaniża, hemm ukoll pjan u aktar objettivi għal ekonomija aktar ħadra, it-tħejjija ta’ triq wiesgħa għad-diġitalizzazzjoni tal-eknonomija Ewropea kif ukoll li l-Unjoni Ewropea jkollha strutturi amministrattivi anqas burokratiċi.