Il-Ħadd filgħodu saret l-attività annwali tal-Mixja mal-President, l-ewwel waħda tal-Presidenza Spiteri Debono, li fiha jinġabru l-flus għall-fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Mijiet ta’ Maltin inġabru quddiem il-Palazz ta’ Sant’ Anton f’Ħ’Attard sabiex, b’pass wieħed, qabdu t-triq tagħhom lejn il-Belt Valletta, fejn il-mixja ntemmet fi Pjazza San Ġorġ.
Il-mixja bdiet għall-ħabta ta’ disgħa u nofs, mill-Palazz ta’ Sant’ Anton f’direzzjoni lejn il-kapitali.
Għall-ħabta tal-ħdax, il-mixja waslet quddiem il-Parlament, fejn minn hemm, il-President flimkien mal-kumplament tal-parteċipanti tal-mixja, komplew triqthom għal Pjazza San Ġorg.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jagħti donazzjoni ta’ €20,000 lill-fondazzjoni Malta Community Chest Fund, mill-Fond tal-Kawżi Ġusti.
Dr Abela sostna wkoll dwar l-importanza li din l-attività turi l-għaqda nazzjonali.
“Issa, li nimxu lejn il-ġurnata tant importanti tas-26 ta’ Diċembru – il-ġabra għall-karus nazzjonali kif qalet tant tajjeb il-President, karus nazzjonali li mbagħad, konsistentament tul ix-xhur, il-Gvern, kif dejjem għamel f’dawn l-aħħar snin, dejjem iżid fuqu, iġifieri llum il-Gvern f’isem il-poplu Malti ta l-ewwel għotja żgħira tiegħu imma mbagħad tul is-sena mal-karus tal-Malta Community Chest Fund, inżidu litteralment il-miljuni biex kull min ikun jeħtieġ il-mediċina, u hija mediċina li tiswa ħafna flus, kulħadd ikollu l-aċċessibbilità għall-aqwa kura, kulħadd meta jkun għaddej f’dak il-mument irid jiffoka fuq saħħtu mbagħad l-importanza li l-istat jieħu ħsieb il-bżonnijiet l-oħra kollha ta’ dak li jkun. Però, nixtieq nirringrazzja lill-poplu għax illum rajna din l-espressjoni ta’ għaqda nazzjonali li kienet verament b’saħħitha.”
Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono semmiet kif din il-ġimgħa, ġie ffirmat ftehim bejn il-Malta Community Chest Fund u l-Gvern, biex dan tal-aħħar jidħol hu għall-mediċini. Sostniet li l-fondazzjoni xorta waħda se tibqa’ ddedikata fuq il-ħidma tagħha favur il-pazjenti.
F’kumment ma’ ONE News, il-President saħqet li pajjiżna għandu jingħaqad mhux biss f’dawn iż-żminijiet, iżda anke matul is-sena.
“Pajjiżna għandu bżonn jingħaqad dejjem għax hemm ħafna affarijiet li nistgħu nitkellmu, niddiskutu, u naslu fi ftehim fuqhom, imma ovvjament, f’dawn iż-żminijiet, għandna aktar nirrikorru biex ikollna dak li l-poplu jista’ jara li hemm qbil, iva, u f’din il-ħaġa mhemm l-ebda raġuni għala ma jkunx hemm qbil, imma l-qbil u l-għaqda bżonnjużi, nerġa’ nenfasizza, f’kull żmien.”