Għandna sfidi u realtajiet simili fil-qasam tal-immigrazzjoni, u għalhekk jeħtieġ li naħdmu flimkien sabiex l-immigrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea tkun waħda ġusta.
Din kienet it-tema ewlenija tad-diskussjoni waqt il-laqgħa magħrufa bħala MED5, li laqgħet f’pajjiżna lill-Ministri tal-Intern u l-Immigrazzjoni ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja.
Apparti minn hekk, il-Ministru għall-Immigrazzjoni tal-Iżvezja kienet ukoll preżenti f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija FRONTEX.
Hawn ġiet diskussa pożizzjoni konġunta dwar l-immigrazzjoni, hekk kif ftit tal-jiem oħra, l-istess ministri se jkunu preżenti għall-Kunsill Ewropew tal-Ministri tal-Intern.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtá, Byron Camilleri fl-introduzzjoni ta’ din il-laqgħa għamel referenza għat-traġedja li seħħet f’Calabria aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn aktar minn sittin immigrant mietu wara li d-dgħajsa li kienu qiegħdin fuqha nqasmet.
Il-Ministru ddeskriva din il-laqgħa bħala opportunità sabiex dawn il-pajjiżi li jinsabu fuq quddiem tal-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jindirizzaw dawn ir-realtajiet koroh, billi jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-Kunsill Ewropew.
Huwa tkellem fuq l-immigrazzjoni ġusta bħala l-mira li kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandha taspira li tilħaq.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Aħna kontinwament nisħqu għal pożizzjoni li tkun aktar ġusta f’sens ta’ politika ta’ immigrazzjoni ġusta, jiġifieri ġusta ma’ min ħaqqu l-ażil, peró trid tkun ukoll ġust m’għandhomx dritt jidħlu fl-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li Malta anke matul dawn l-aħħar snin tajna emfasi fuqha. U allura wkoll nisħqu ħafna fuq il-prevenzjoni għaliex ma rridux aktar imwiet fil-baħar.”
Hekk kif waslet fi tmiemha l-laqgħa, il-ministri tal-pajjiżi li jiffurmaw il-MED5 stqarru li qablu dwar il-pożizzjoni li se jkunu qed jieħdu aktar tard dan ix-xahar dwar l-immigrazzjoni.
Hawn sar anke rikonoxximent tal-ħidma konġunta bejniethom sabiex it-traffikanti tal-bnedmin jitwaqqfu milli jibgħatu persuni bejn sema u ilma b’mod irresponsabbli, iżda stqarru li għad fadal ħafna x’isir, b’mod speċjali rigward l-għajnuna mill-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Fost l-oħrajn, huma appellaw għat-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti u mandatorju għall-Istati Membri, sabiex il-piż tal-immigrazzjoni ma jaqax biss fuq il-pajjiżi viċin il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.
Intant, il-Ministru għall-Immigrazzjoni Żvediża, Maria Malmer Stenergard li tkellmet f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tkellmet fuq il-ħidma li għad fadal x’isir, speċjalment sabiex il-persuni li jagħżlu li jemigraw lejn l-Ewropa, ikunu jistgħu isibu futur f’pajjiżhom stess.
Hi qalet, “I am convinced that in order to address the migratory challenges in a truly European manner, we must continue to work hard, both internally, within negotiations on the Pact on Asylum and Migration, and efficient implementation of current legislation, but also through strong efforts in the external dimension, on returns and fighting the root causes for migration.”