F’awla ħdax tal-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Aldo Cutajar u martu Isabelle Cutajar li qed ikunu akkużati b’ħasil ta’ flus.
Fil-bidu tas-seduta l-ispettur Lianne Bonello għamlet xi sostituzzjonijiet fl-akkużi fejn fost l-oħrajn qed tkun akkużata wkoll kumpanija rreġistrata ċ-Ċipru li tagħha hija l-benefiċjarja Isabelle Cutajar.
Is-seduta waqfet għal ftit minuti sakemm sar t-tibdil neċessarju mill-ispettur.
Id-difiża stqarret fil-Qorti li kien biss it-Tnejn filgħodu li ġiet notifikata bl-akkużi kif korretti għal darba darbtejn f’din l-istess seduta, u għalhekk filwaqt li irriservat id-dritt li tqajjem l-argumenti tagħha fil-ħin opportun stqarret li dan juri li meta tressqu l-akkużati l-prosekuzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf eżatt biex se jkunu akkużati l-imputati.
L-ispettur Lianne Bonello kienet l-ewwel waħda li telgħet fuq il-pedana tax-xhieda fejn ppreżentat tliet kaxxi u żewġ boroż kbar ta’ evidenza fost l-oħrajn. Hija tat rendikont tal-propjetà li nstabet fejn fost l-oħrajn semmiet numru ta’ propjetà immobbli, karozzi u oġġetti lussużi li nstabu fid-dar wara l-arrest. L-ispettur kompliet tispjega kif il-pulizija waslitilha informazzjoni dwar il-kumpanija ‘Gemini Design Studios Limited’ li hija rreġistrata Ċipru.
Spjegat kif il-kumpanija b’direttur Ċiprijott irċeviet numru ta’ pagamenti minn kumpaniji Ċiniżi b’total ta’ żewġ miljun ewro depożitati f’Satabank. B’dan l-ammont l-akkużati xtraw villa fin-Naxxar u penthouse filwaqt li l-kumplament intefgħu f’kont tar-Revolut. Hija elenkat numru ta’ karozzi li kellhom l-akkużati fosthom żewġ karozzi Mercedes u karozza Kia li ġew importati minn barra u tħallsu b’flus kontanti. L-ispettur Bonello spjegat ukoll kif il-pulizija sabet ukoll lista b’numru ta’ ismijiet u bin-numri tal-passaport. Magħha wkoll instabu numru ta’ flus kontanti.
Fil-kontro-eżami d-difiża staqsiet x’inhu r-reat li minnu toħroġ l-akkuża tal-ħasil ta’ flus minħabba li biex ikun hemm reat ta’ ħasil ta’ flus il-flus iridu jkunu nibtu mill-kriminalità. L-ispettur saħqet li s-suspett huwa li l-flus huma frott korruzzjoni u bejgħ illegali ta’ visas.
Wara xehdu żewġ nutara li ppublikaw il-kuntratti ta’ żewġ akkwisti ta’ propjetà, it-tieni waħda f’isem il-kumpanija Ċiprijotta. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet in-nutara stqarrew li kien sar id-due diligence neċessarju. Fil-każ tal-akkwist ta’ Penthouse u garaxx fis-Swatar mill-kumpanija li l-benefiċjarju ewlieni tagħha kienet l-akkużata Isabelle Cutajar, in-nutar stqarret li din kienet imħallsa mill-flus tal-kumpanija ddepożitati f’kont f’Sata Bank.
Il-Qorti semgħet kif il-koppja kellhom kumpanija f’Malta tad-disinnjar tad-djar u li kienet tagħmel xogħol lokali madankollu, fl-2005 din kienet ingħalqet u ġiet irreġistrata kumpanija oħra bl-isem simili ta’ ‘Gemini Design Studios Limited’ ġewwa Ċipru li din iżda bdiet tagħmel xogħlijiet lill-kumpaniji Ċiniżi.
Fis-seduta xehdu wkoll rappreżentanti tal-banek Bank of Valletta u Satabank li ppreżentaw id-dokumentazzjoni dwar kontijiet bankarji tal-akkużati. Xehdu wkoll rappreżentanti mid-dipartiment tat-taxxa u l-uffiċċju tal-kummissarju tat-taxxa.
Fl-aħħar tas-seduta l-avukat difensur Joe Giglio stqarr li mhux aċċettabli li fis-seduta ma nstemgħux ix-xhieda pajżana kollha biex il-Qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati. Il-Qorti ordnat li x-xhieda pajżana jkunu mħarka jixhdu fis-27 ta’ Awissu.